Ħarsa ġenerali
- Rwol: Jorganizza proċeduri ta’ selezzjoni ta’ kwalità għolja biex jagħżel l-istaff għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.
- Direttur: Minna Vuorio
- Stabbilit fi: 2002
- Numru ta’ staff: 120
- Post: Brussell (b’membru tal-istaff wieħed fil-Lussemburgu)
- Sit web: Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal
X’jagħmel
L-EPSO jorganizza kompetizzjonijiet miftuħa u proċeduri ta’ selezzjoni biex jirrekluta kandidati għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, bħal:
- Il-Parlament Ewropew
- Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Il-Kummissjoni Ewropea
- Il-Qorti tal-Ġustizzja
- Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
- Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
- Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
- Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
- L-Ombudsman Ewropew.
L-EPSO jipproċessa madwar 46,000 applikazzjoni fis-sena għal madwar 1,300 pożizzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE. L-ittestjar isir b’24 lingwa - dan huwa xenarju uniku fid-dinja tas-selezzjoni. Barra minn hekk, huwa jimmaniġġja bażi ta’ data ta’ aktar minn 70,000 kandidat irreġistrat għal madwar 800 pożizzjoni kuntrattwali fis-sena taħt l-Għodda għas-selezzjoni tal-aġent kuntrattwali (CAST).
L-EPSO jaħdem mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri responsabbli għall-promozzjoni ta’ EU Carrees fil-livell nazzjonali. L-EPSO jimmaniġġja wkoll il-programm Studenti Ambaxxaturi ta’ EU Careers. Barra minn hekk, l-EPSO ta’ spiss jaqsam l-aħjar prattika ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
Min jibbenefika?
Il-benefiċjarji ewlenin tal-ħidma tal-EPSO huma s-servizzi ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE li l-EPSO jaħdem għalihom, kif ukoll kandidati prospettivi għal pożizzjonijiet permanenti u temporanji fis-servizz ċivili tal-UE. Huma jibbenefikaw mill-proċeduri ta’ selezzjoni ġusti, trasparenti u effiċjenti tal-EPSO, li jippermettu lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jirreklutaw il-persuna t-tajba għall-impjieg it-tajjeb, fil-ħin opportun.
Huwa aktar effiċjenti u kosteffettiv li jkun hemm uffiċċju wieħed li jirrekluta l-istaff milli kull istituzzjoni, korp u aġenzija tal-UE torganizza il-proċeduri ta’ selezzjoni jew il-kompetizzjonijiet tagħha stess.
Aktar Informazzjoni
Proċeduri ta’ selezzjoni għal pożizzjonijiet permanenti u temporanji