Aqbeż għall-kontentut

Santu Wistin

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Din hija reviżjoni antika ta' din il-paġna, hekk kif ġiet modifikata minn ToniSant (diskussjoni | kontribuzzjonijiet) nhar 14:08, 26 Mejju 2021. Din tista' tvarja mir-reviżjoni attwali.
(diff) ←Reviżjoni eqdem | Ara l-verżjoni attwali (diff) | Reviżjoni iġded→ (diff)
Santu Wistin
isqof djoċesan

396 -
Dioceses: Q3708139 Translate
Ħajja
Twelid Thagaste (en) Translate, 13 Novembru 354, 354
Nazzjonalità Ruma Antika
Mewt Hippo Regius (en) Translate, 28 Awwissu 430
Post tad-dfin San Pietro in Ciel d'Oro (en) Translate
Familja
Missier Patricius
Omm Monica of Hippo
Konjuga/i Not married
Ulied
uri
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Latin
Punic (en) Translate
lingwa Berbera
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni filosofu
teologu
awtobijografu
teoriku tal-mużika
predikatur
storiku
poeta
kittieb
saċerdot Kattoliku
isqof titulari
Isqof Kattoliku
Xogħlijiet importanti Confessions (en) Translate
The City of God (en) Translate
On the Trinity (en) Translate
Influwenzat minn Sant'Ambroġju
Festa
28 ta' Awwissuu 15 ta' Ġunju

Santu Wistin huwa wieħed mill-erba’ Santi Padri ewlenin tal-Punent, flimkien ma’ Sant'Ambroġju, San Ġlormu u l-Papa San Girgor il-Kbir. Huwa kien isqof ta’ Ippona, belt ewlenija tal-Afrika Rumana (illum Annaba fl-Alġerija) u wieħed mill-figuri ewlenin tal-Knisja tar-raba’ seklu.

Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru 354 minn missier pagan, Patrizju, li kien Kunsillier ta’ muniċipju, u minn omm nisranija Kattolika, Monnika, ta’ razza bérbera f’Tagaste, fin-Numidja, Souk-Ahras, illum l-Alġerija. Minħabba l-edukazzjoni li kellu, hu kien marbut b’ruħu u b’ġismu ma’ Ruma, mal-Imperu Ruman, u mal-kultura Rumana. Studja f’Tagaste fejn twieled, wara kompla jistudja fil-belt ta’ Madawra (ġewwa l-Alġerija) u mbagħad temm l-istudji f’Kartaġni. L-ilsien Grieg ma setax jaqbdu fl-iskola, imma iżjed tard wara li kien kbir tgħallmu biżżejjed biex ikun jista’ jittraduċi għal-Latin. Min-naħa l-oħra, il-Puniku baqa’ ma tgħallmu qatt, neħħi xi ftit kliem ’l hawn u ’l hemm li laħaq tgħallem u li nqeda bih biex ifisser kliem Lhudi li kien jixxiebah etimoloġikament. Meta kellu tnax-il sena kien se jmut minħabba x-xedda li qabditu, u kien se jitgħammed. Imma billi għaddielu, hu baqa’ ma tgħammidx żgħir.

Ta’ dsatax-il sena tbiegħed mill-fidi Kattolika. Wara li qara l-ktieb l-Ortensju ta’ Ċiċerun li kien iħajjar għat-triq tal-filosofija, Wistin sar Manikew. Issa mietlu missieru (373), u reġa’ lura lejn Tagaste, u miegħu ħa l-mara li kien jgħix magħha u lil binhom Adeodat. Ommu ma laqgħethomx għandha. Hu beda jgħallem il-grammatika Latina fl-istess Tagaste (374). Wara dan huwa qabad jgħallem ir-retorika l-ewwel f’Kartaġni (375-383), imbagħad f’Ruma (384), u fl-aħħar Milan (Ħarifa 384 – Sajf 386). F’Milan stess hu ġie f’kuntatt mal-Isqof Sant'Ambroġju u mal-istudji tan-neoplatoniċi li għenuh iħoll il-problema tal-materjaliżmu u tal-ħażen. Bil-qari ta’ San Pawl hu għeleb il-problema tan-naturaliżmu, u fehem li Kristu mhux biss hu l-Imgħallem, imma wkoll il-Feddej. Hekk wasal biex aċċetta l-medjazzjoni divina u l-grazzja. U fl-aħħar wasal ukoll għall-konverżjoni tiegħu.

Wistin ikkonverta fl-ewwel jiem tax-xahar ta’ Awwissu tas-sena 386, jiġifieri 44 sena qabel ma miet bħala Isqof ta’ Ippona. Bejn il-konverżjoni u l-episkopat tiegħu għaddew ftit inqas minn għaxar snin, imma dan kien perjodu mimli progress spiritwali u kisba ta’ tagħlim tat-teoloġija Kattolika.

Hekk kif ikkonverta hu ħa żewġ deċiżjonijiet kbar: dik li jirrinunzja għat-tagħlim tar-retorika, u dik li jirrinunzja għaż-żwieġ. Hekk, qrib it-tmiem ta’ Ottubru tas-sena 386 Wistin irtira f’Kassiċijaku, x’aktarx Cossago fil-Brianza, biex hemm iħejji ruħu għall-magħmudija. F’dan il-post hu għamel inqas minn ħames xhur għaliex fl-ewwel ġranet ta’ Marzu tas-sena 387 hu reġa’ lura lejn Milan, inkiteb katekumenu, segwa l-kors tal-katekeżi li għamel Ambroġju u kien mgħammed flimkien ma’ Alipju, sieħbu, u Adeodat, ibnu, fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ April, il-viġilja tal-Għid tas-sena 387. Minn hemm Wistin qatagħha li jerġa’ lura lejn l-Afrika, imma ftit wara li waslu f’Ostia Tiberina, ommu mardet u mietet. Wistin reġa’ lura lejn Ruma u baqa’ sas-sena ta’ wara jikteb il-kotba u jitkixxef iżjed dwar il-ħajja monastika. Wara l-mewt tal-Imperatur Massimu li ġrat f’Lulju jew f’Awissu tas-sena 388, Wisin ħalla Ruma u mar Tagaste fejn beda l-ħajja komunitarja flimkien mal-ħbieb tiegħu u ma’ Adeodat li mbagħad miet minn sena sa tliet snin wara (389-391).

Saċerdot u Isqof

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sena 391, Wistin mar Ippona bil-ħsieb li jsib xi post fejn ikun jista’ jwaqqaf knisja. F’dik l-okkażjoni hu aċċetta kontra qalbu li jkun ordnat saċerdot. L-Isqof Valerju tah biċċa mill-kwartier nisrani biex iwaqqaf hemm il-monasteru tal-lajċi li xtaq jibni. Hawn beda jagħti ruħu għal iżjed ħajja axxetika, għal iżjed studji tat-teoloġija, u fl-istess ħin beda l-ħidma tiegħu tal-predikazzjoni. Fis-sena 395 jew 396 hu kien ikkonsagrat Isqof. Għadda xi żmien jgħin lill-Isqof Valerju, imbagħad, għallinqas minn Awissu tas-sena 397, hu beda l-ħidma tiegħu proprja bħala Isqof ta’ Ippona. Meta sar Isqof tal-post, Wistin ħalla l-monasteru tal-lajċi fejn qabel kien superjur, u mar fid-dar ta’ l-Isqof u għamel minn din monasteru tal-Kjeriċi.

Bħala Isqof, Santu Wistin ħadem bis-sħiħ kemm fid-djoċesi tiegħu, kemm fi djoċesijiet oħra fejn mar ħafna drabi l-iktar biex jipprietka, u kemm għall-Knisja universali l-iktar bil-kotba tiegħu. Fid-djoċesi tiegħu, Wistin kien jipprietka regolarment darbtejn fil-ġimgħa, jiġifieri s-Sibt u l-Ħadd. F’xi okkażjonijiet kien jipprietka għal ġranet sħaħ wara xulxin, meta mhux ukoll jagħmel żewġ prietki kuljum. Kellu wkoll laqgħat tal-Isqof mal-membri tad-djoċesi, li kienu jissejħu audientia episcopalia, u dan biex jisma’ u jaqta’ s-sentenzi fil-kawżi li kienu jippreżentawlu l-fidili. Xi kultant dawn il-laqgħat kienu jdumu l-ġurnata kollha. Kellu wkoll jieħu ħsieb il-fqar, ir-romol u l-iltiema permezz ta’ tqassim ta’ affarijiet meħtieġa għall-ikel u għall-ħajja mill-imħażen li kien hemm apposta fil-kwartier nisrani. Kien jieħu ħsieb it-tagħlim reliġjuż tal-kleru li fosthom ġab riforma kbira bil-ħsieb li s-saċerdoti jkunu iktar kapaċi teoloġikament u liturġikament. Organizza l-monasteri kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. Kien iżur il-morda fi djarhom stess. U kien jaqbeż għall-fidili quddiem l-awtorita’ ċivili. Kien ukoll jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja, xogħol li kien jagħmel kontra qalbu.

Għall-Knisja ta’ l-Afrika u b’xi mod għall-Knisja Universali, hu ħa sehem f’diversi konċilji Afrikani. Kiteb ħafna ittri bħala tweġiba għall-problemi jew mistoqsijiet li kienu jagħmlulu. Ħa sehem f’disputi pubbliċi mal-eretiċi meta tqum l-okkażjoni, fosthom fil-konferenza tas-sena 411 bejn Isqfijiet Kattoliċi u Isqfijiet Donatisti. Hu ħadem ħafna għas-soluzzjoni tax-xiżma Donatista u tal-kontroversja Pelaġjana. Meta miet fit-28 ta’ Awissu tas-sena 430, fit-tielet xahar ta’ l-assedju taIppona mill-Vandali, ħalla warajh ħafna opri mhumiex mitmuma. L-aħħar xogħol tiegħu kienet l-Ittra 228 li x’aktarx li ddettaha fuq is-sodda ta’ mewtu u indirizzaha lis-saċerdoti tad-djoċesi dwar id-dmirijiet tagħhom għal waqt l-invażjoni barbarika. Hu kien midfun fil-Bażilika Pacis ġewwa Ippona. Iktar tard l-għadam tiegħu, f’data inċerta, ittieħed f’Sardinja, u qrib is-sena 725 kien ittrasportat f’Pavia fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ciel d’Oro, fejn għadu sal-lum.

Il-Belt ta’ Alla (De Civitate Dei)

[immodifika | immodifika s-sors]

Din hi l-aqwa biċċa xogħol ta’ Santu Wistin. Fiha hu jagħti fil-qosor il-ħsieb tiegħu filosofiku, teoloġiku u politiku. Kitbu bejn is-snin 413-426. Fir-Ritrattazzjonijiet Santu Wistin meta wasal sabiex jerġa’ jagħti daqqa t’għajn lejn ix-xogħol li kien għadu kemm temm, fuq il-Belt ta’ Alla, kiteb: “Waqt dan kollu, Ruma kollha kienet tinsab imfarrka taħt il-qilla ta’ l-invażjoni tal-Goti li kienu taħt it-tmexxija tar-re Alariku (370-410); kien diżastru kbir. Dawk li aħna mdorrijn insejħu l-pagani, dawk li jagħtu qima lil bosta allat foloz, għamlu l-almu tagħhom kollu sabiex iqiegħdu l-ħtija ta’ dan kollu wara bieb it-twemmin nisrani, u dan sabiex iżebilħu lil Alla l-veru bi lsien iniggeż aktar u bi ħdura mhux tas-soltu. Għalhekk jien mifni bil-ħeġġa għad-dar ta’ Alla, qtajtha illi nikteb kontra dawn id-dagħajja u l-iżbalji tagħhom, il-kotba ta’ l-Belt ta’ Alla.”

Mela skond Wistin dawn kienu raġunijiet ewlenija għaliex ried jikteb il-Belt ta’ Alla. L-idea ewlinija hi dik li l-Providenza divina ddawwal u tmexxi l-istorja kollha tal-bniedem. Fiha 22 ktieb. ~ertament hija l-‘Magnum Opus’ ta’ Santu Wistin - opra twila ħafna u trid iż-żmien biex taqraha kollha. Tinqasam f’żewġ partijiet. Il-kotba 1-10 fihom il-ħsieb ta’ apoloġetika u polemika. Fil-kotba 1-5 Santu Wistin jirrifjuta l-opinjoni pagana li l-politeiżmu, jew l-adorazzjoni ta’ ħafna allat, kien bżonnjuż sabiex tinstab hena fuq din id-dinja; fil-kotba 6-10 huma miktuba kontra l-filosfi Neo-Platoniċi li kien jżommu li l-adorazzjoni ta’ l-allat hija neċessarja għall-ħajja futura. Il-kotba 11-22 huma spekulattivi. Hemm żewġ saltniet kbar li fihom isir l-iżvilupp tal-ħajja u ta’ l-umanita’: ‘Regnum Dei, Regnum mundi’,- ‘ir-renju ta’ Alla u r-renju tad-dinja.’ Il-konflitt bejn dawn it-tnejn jifforma suġġett ta’ dan ix-xogħol.

Ir-renju ta’ Alla jikkonsisti: fl-anġli tiegħu u n-nies ġusti, u l-essenza tar-renju tad-dinja hi l-apostasiji minn Alla. Huwa hawn li dawn iż-żewġ renji jidħlu ġo xulxin għaliex iċ-ċittadini ta’ l-ewwel jgħixu bħala ċittadini qalb tat-tieni. Il-kotba 11-14 jiddeskrivu l-oriġini ta’ kull renju, bil-ħolqien tal-anġli u tal-waqgħa ta’ dawk apostati. Il-kotba 15-18 jittrattaw fuq l-iżvilupp u l-progress ta’ dawn iż-żewġ renji u l-kotba 19-22 l-għan ta’ kull renju u kif isib tmiemu.

Ix-xogħol fih ħafna tagħrif storiku u arkeoloġiku għax Wistin ħa ħafna minn Ċiċerun, Verro u mir-reċensjoni tal-‘Chronicon’ ta’ Ewsebju. Ċertament dan ix-xogħol kellu u għad għandu influwenza kbira mill-mewt ta’ Wistin l’ hawn. Għall-grazzja ta’ Alla għandna traduzzjoni tajba ħafna tal-Belt ta’ Alla, tradotta minn Valentin V. Barbara, maħruġa mill-Provinċja Agostinjana, Malta, fil-1996, bin-noti estiżi ta’ P. Salvino Caruana OSA.