Aqbeż għall-kontentut

Babilonja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta parzjali tal-fdalijiet tal-belt tal-Babilonja.

Il-Babilonja, magħrufa wkoll bħala Babel jew Babil, hija belt tal-qedem li kienet tinsab fin-naħa t'isfel tax-xmara Ewfrate fin-Nofsinhar tal-Mesopotamja, fit-territorju attwali tal-Iraq. L-isem Babilonja jirreferi wkoll għar-reġjun tal-qedem bl-istess isem. Il-belt tal-Babilonja kienet il-belt kapitali tar-reġjun tal-Babilonja u kienet tiffunzjona bħala ċentru kulturali u politiku prinċipali tan-naħa tar-reġjun fejn kien jiġi mitkellem l-Akkadjan. Il-mexxejja tal-belt stabbilew żewġ imperi importanti fi żmien il-qedem, l-Imperu Babilonjan Antik tas-seklu 18 Q.K. u l-Imperu Neo-Babilonjan tas-seklu 7-6 Q.K., u l-belt intużat ukoll bħala belt kapitali reġjonali ta' imperi oħra, bħall-Imperu tal-Akemenidi. Il-belt tal-Babilonja kienet waħda mill-iżjed ċentri urbani importanti tal-Lvant Qarib tal-qedem sad-deklin tagħha matul il-perjodu Ellenistiku.

L-iżjed tismija bikrija tal-Babilonja bħala raħal żgħir feġġet fuq tavla tat-tafal minn żmien ir-renju ta' Shar-Kali-Sharri (2217-2193 Q.K.) tal-Imperu Akkadjan. Dak iż-żmien, il-Babilonja kienet sempliċement ċentru reliġjuż u kulturali, u la stat indipendenti u lanqas belt kbira; bħall-kumplament tal-Mesopotamja, kienet soġġetta għall-Imperu Akkadjan li għaqqad il-kelliema Akkadjani u Sumeri kollha taħt tmexxija waħda. Wara l-waqgħa tal-Imperu Akkadjan, in-Nofsinhar tar-reġjun tal-Mesopotamja kien iddominat mill-poplu Gutjan għal xi deċennji qabel il-kisba tal-poter tat-Tielet Dinastija ta' Ur, li kien jinkludi l-Mesopotamja kollha, inkluż ir-raħal tal-Babilonja.

Ir-raħal sar parti mill-belt-stat indipendenti ta' daqs żgħir bl-istabbiliment tal-ewwel Imperu Babilonjan, issa magħruf bħala l-Imperu Babilonjan Antik, fis-seklu 19 Q.K. Ir-re Amorit Hammurabi stabbilixxa l-Imperu Babilonjan Antik ta' għomru qasir fis-seklu 18 Q.K. Huwa bena l-belt kbira tal-Babilonja u ddikjara lilu nnifsu bħala r-re. In-Nofsinhar tal-Mesopotamja sar magħruf bħala r-reġjun tal-Babilonja, u l-belt tal-Babilonja eklissat lil Nippur bħala l-belt sagra tar-reġjun. L-imperu majna taħt iben Hammurabi Samsu-iluna, u l-belt tal-Babilonja qattgħet perjodi twal taħt id-dominju Assirjan, Kassit u Elamit. Wara li l-Assirjani qerduha u reġgħu bnewha mill-ġdid, il-belt tal-Babilonja saret il-belt kapitali tal-Imperu Neo-Babilonjan ta' għomru qasir mis-609 sal-539 Q.K. Il-Ġonna Mdendlin ta' Babel kienu kklassifikati bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet tad-Dinja Antika. Wara l-waqgħa tal-Imperu Neo-Babilonjan, il-belt sfat taħt it-tmexxija tal-imperi tal-Akemenidi, tas-Selewċidi, tal-Partiċi, tar-Rumani, tas-Sassanidi u tal-Musulmani. L-aħħar abitazzjoni magħrufa tar-raħal tmur lura għas-seklu 10 W.K., meta saret referenza għaliha bħala l-"villaġġ iż-żgħir ta' Babel".

Ġie stmat li l-Babilonja kienet l-ikbar belt fid-dinja mill-ħabta tal-1770 sal-ħabta tal-1670 Q.K., u mill-ġdid mill-ħabta tas-612 sal-ħabta tat-320 Q.K. X'aktarx li kienet l-ewwel belt li laħqet popolazzjoni ta' iktar minn 200,000 ruħ. L-istimi tal-ogħla firxa tal-inħawi jvarjaw bejn 890 sa 900 ettaru (2,200 akru).

Il-fdalijiet tal-belt jinsabu fit-territorju attwali ta' Hillah, il-Governorat ta' Babil, l-Iraq, madwar 85 kilometru (53 mil) fin-Nofsinhar ta' Bagdad, u l-konfini tagħha ġew ibbażati fuq il-perimetru tal-ħitan esterni antiki tal-belt, b'erja ta' madwar 1,054.3 ettaru (2,605 akru). Jinkludu għolja kbira ta' radam u ta' binjiet imkissrin tal-brikks u tat-tajn. Is-sorsi prinċipali ta' informazzjoni dwar il-belt tal-Babilonja — l-iskavi tas-sit arkeoloġiku stess, ir-referenzi fit-testi kunejformi li nstabu f'inħawi oħra tal-Mesopotamja, ir-referenzi fil-Bibbja, id-deskrizzjonijiet f'kitbiet klassiċi oħra (speċjalment minn Erodotu), u d-deskrizzjonijiet indiretti (li jikkwotaw ix-xogħlijiet ta' Ctesias u Berossus) — jippreżentaw stampa mhux kompluta u xi kultant kontradittorja tal-belt tal-qedem, anke fil-quċċata tagħha fis-seklu 6 Q.K. L-UNESCO niżżlet il-belt tal-Babilonja bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2019.[1] Is-sit jilqa' eluf ta' viżitaturi kull sena, il-biċċa l-kbira minnhom Iraqqini stess. Il-kostruzzjoni qed tiżdied b'mod rapidu, u dan ikkawża diversi diżgwidi minħabba l-preservazzjoni tal-fdalijiet.

L-ortografija tal-isem Babilonja hija mnissla mir-rappreżentazzjoni Latina tal-isem Grieg Babylṓn (Βαβυλών), li oriġina mil-lingwa nattiva (Babilonjan jew Babiloniż) Bābilim, li tfisser "daħla tal-allat". L-isem kuneiformi kien 𒆍𒀭𒊏𒆠 (KA₂.DIG̃IR.RAKI). Dan jikkorrispondi għall-frażi Sumera kan dig̃irak. Is-sinjal 𒆍 (KA₂) huwa l-logogramma għal "daħla", 𒀭 (DIG̃IR) tfisser "alla", u 𒊏 (RA) tirrappreżenta l-parti ta' wara tal-kelma dig̃ir (-r) segwita mis-suffiss ġenittiv -ak. Il-parti finali 𒆠 (KI) hija determinattiv li jindika li s-sinjali ta' qabel għandhom jinftehmu bħala isem ta' post.

Archibald Sayce, fis-snin 70 tas-seklu 19, kiteb li l-isem Semitiku kien kelma misselfa jew traduzzjoni tal-isem oriġinali bis-Sumerjan. Madankollu, l-interpretazzjoni tad-"daħla tal-allat" kulma jmur qed titqies bħala etimoloġija Semitika folkloristika sabiex jiġi spjegat isem ta' post mhux Semitiku u mhux magħruf. I. J. Gelb fl-1955 argumenta li l-isem oriġinali kien Babilla, b'tifsira u b'oriġini mhux magħrufa, peress li kien hemm ismijiet ta' postijiet simili fis-Sumerja, u ma hemm l-ebda eżempju ieħor ta' ismijiet ta' postijiet Sumeri li ġew sostitwiti bi traduzzjonijiet Akkadjani. Huwa ddeduċa li iktar 'il quddiem l-isem ġie ttrasformat bl-Akkadjan u sar Bāb-ili(m), u li l-isem Sumerjan Kan-dig̃irak kien traduzzjoni misselfa ta' etimoloġija Semitika folkloristika, u mhux l-isem oriġinali. It-traduzzjoni mill-ġdid tal-isem Semitiku bis-Sumerjan x'aktarx li seħħet fi żmien it-Tielet Dinastija "Neo-Sumerjana" ta' Ur. (Bab-Il).

Kitba frammentarja li tmur lura għall-Perjodu Dinastiku Bikri, x'aktarx bil-linga Akkadjana, tirreferi għal mulej mhux magħruf li kien il-gvernatur (ENSI) ta' BAR.KI.BAR u li bena t-tempju ta' Marduk, li hija indikazzjoni li l-belt jaf kienet tassew il-Babilonja. Matul il-perjodu tat-Tielet Dinastija, it-tqegħid tas-sinjali kien relattivament fluwidu u b'hekk is-sinjal KI seta' jitqies bħala determinattiv, u l-isem tal-belt seta' kien BAR.BAR, x'aktarx pronunzjat Babbar. Paul-Alain Beaulieu jipproponi li l-isem oriġinali seta' jfisser "ileqq", "jiddi" jew "abjad". X'aktarx li iktar 'il quddiem beda jinqara bħala Babbir, u mbagħad Babbil b'sostituzzjoni tal-konsonanti r ma' l. L-iżjed tismija mhux ambigwa bikrija tal-belt tal-Babilonja ġiet minn wieħed mill-ismijiet tas-snin ta' Shar-Kali-Sharri, spellut bħala KA.DINGIR.KI, li jindika li l-etimoloġija folkloristika diġà kienet mifruxa sew fil-perjodu Sargoniku. Madankollu, il-forma oriġinali tal-isem (Babbar/Babbir) ma ntesietx, bħalma joħroġ fid-dieher mill-ortografija fonetika ba-ab-bí-lum fil-perjodu tat-Tielet Dinastija ta' Ur, u mill-ortografiji Pambalu u Babalu fil-perjodu Kassit.

Ortografija attestata oħra għall-belt tal-Babilonja hi TIN.TIR.KI, attestata b'mod sparpaljat fil-perjodu Babilonjan Antik iżda li kibret fil-popolarità fl-aħħar tat-tieni millenju Q.K. u kienet tintuża b'mod mifrux fl-ewwel millenju Q.K. L-ortografija E.KI tidher ukoll fl-ewwel millenju Q.K.

Fil-Bibbja bl-Ebrajk, l-isem jidher bħala Babel (bl-Ebrajk: בָּבֶל Bavel, Tib. בָּבֶל Bāḇel; bis-Sirjan Klassiku: ܒܒܠ Bāwēl, bl-Aramajk Imperjali: בבל Bāḇel; bl-Għarbi: بَابِل Bābil), interpretat fil-Ktieb tal-Ġenesi li jfisser "konfużjoni", mill-verb bilbél (בלבל, "toħloq konfużjoni"). Il-verb Ingliż modern, to babble ("titkellem b'mod eċitat jew konfuż jew li ma jagħmilx sens"), huwa maħsub b'mod mifrux li oriġina minn dan l-isem iżda ma hemm l-ebda rabta diretta.

Fil-letteratura Pali u Sanskrita, l-isem jidher bħala Bāveru.

Rekords antiki f'xi każijiet jużaw l-isem "Babilonja" bħala isem għal bliet oħra, inkluż għal bliet bħal Borsippa fi ħdan l-isfera ta' influwenza tal-Babilonja, u Nineveh għal perjodu qasir wara s-serqa tar-rikkezzi tal-Babilonja mill-Assirjani.

Mappa tal-Babilonja bl-inħawi ewlenin u l-villaġġ moderni.

Il-belt antika, li nbniet tul ix-xtut tax-xmara Ewfrate, kellha lqugħ weqfin max-xtut sabiex jilqgħu għall-għargħar staġonali tax-xmara. Il-fdalijiet tal-belt jinsabu fit-territorju attwali ta' Hillah, il-Governorat ta' Babil, l-Iraq, madwar 85 kilometru (53 mil) fin-Nofsinhar ta' Bagdad, u huma magħmula minn għolja kbira tar-radam u binjiet imkissrin tat-tajn u tal-brikks. Is-sit tal-Babilonja jikkonsisti f'għadd ta' tumbati li jkopru erja ta' madwar 2 km × 1 km (1.24 mil × 0.62 mili), orjentati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, tul ix-xmara Ewfrate lejn il-Punent. Oriġinarjament, ix-xmara kienet taqsam il-belt bejn wieħed u ieħor fi tnejn, iżda l-fluss tax-xmara minn dak iż-żmien inbidel u b'hekk il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet tal-parti tal-Punent tal-belt issa jinsabu taħt l-ilma. Xi partijiet mill-ħajt tal-belt lejn il-Punent tax-xmara għadhom viżibbli wkoll.

Parti żgħira biss tal-belt antika (3 % tal-erja tal-ħitan interni; 1.5 % tal-erja tal-ħitan esterni; 0.1 % tal-erja tal-Babilonja Antika u Nofsanija) ġiet skavata. Il-fdalijiet magħrufa jinkludu:

  • Kasr – imsejjaħ ukoll Palazz jew Kastell, huwa l-post fejn hemm iż-żiggurat Neo-Babilonjana ta' Etemenanki fiċ-ċentru tas-sit.
  • Amran Ibn Ali – l-ogħla fost it-tumbati f'għoli ta' 25 metru (82 pied) lejn in-Nofsinhar. Dan huwa s-sit ta' Esagila, tempju ta' Marduk li kien fih santwarji ddedikati lil Ea u lil Nabu.
  • Homera – tumbata ta' lewn ħamrani fuq in-naħa tal-Punent. Il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet Ellenistiċi jinsabu hawnhekk.
  • Babil – tumbata għolja madwar 22 metru (72 pied) fin-naħa tat-Tramuntana tas-sit. Il-brikks tagħha nsterqu kemm-il darba minn żmien il-qedem 'l hawn. Fuqha kien hemm il-palazz mibni minn Nebukadnessar.
Il-Babilonja fl-1932.

L-arkeologi rkupraw ftit artefatti ta' qabel il-perjodu Neo-Babilonjan. L-ilma tal-pjan fir-reġjun għola ferm matul is-sekli, u l-artefatti miż-żmien ta' qabel l-Imperu Neo-Babilonjan ma jistgħux jiġu rkuprati bil-metodi arkeoloġiċi standard attwali. Barra minn hekk, in-Neo-Babilonjani wettqu proġetti ta' rikostruzzjoni sinifikanti fil-belt, li qerdu jew ħadu post il-bini preċedenti. Ir-rikkezzi tal-belt tal-Babilonja nsterqu bosta drabi wara rewwixti kontra t-tmexxija barranija, fost l-oħrajn mill-Ittiti u mill-Elamiti fit-tieni millenju, u mbagħad mill-Imperu Neo-Assirjan u mill-Imperu tal-Akemenidi fl-ewwel millenju Q.K. Il-biċċa l-kbira tal-naħa tal-Punent tal-belt issa tinsab taħt ix-xmara, u partijiet oħra tas-sit ġew estratti għall-materjali tal-kostruzzjoni kummerċjali.

L-ispedizzjoni ta' Koldewey biss irkuprat artefatti mill-perjodu tal-Babilonja Antika. Dawn kienu jinkludu 967 tavla tat-tafal (flimkien ma' 564 tavla mill-perjodu Babilonjan Nofsani), maħżuna fi djar privati, b'letteratura u dokumenti lessiċi Sumerjani.

Fost l-insedjamenti tal-qedem fil-qrib hemm Kish, Borsippa, Dilbat, u Kutha. Marad u Sippar kien jinsabu 60 kilometru (37 mil) mill-belt fiż-żewġ direzzjonijiet tul ix-xmara Ewfrate.

Strutturi tal-brikks fil-Babilonja.

Is-sorsi prinċipali ta' informazzjoni dwar il-belt tal-Babilonja — l-iskavi tas-sit stess, ir-referenzi fit-testi kunejformi li nstabu f'inħawi oħra fil-Mesopotamja, ir-referenzi fil-Bibbja, id-deskrizzjonijiet f'kitbiet klassiċi oħra (speċjalment ta' Erodotu), u d-deskrizzjonijiet indiretti (li jikkwotaw ix-xogħlijiet ta' Ctesias u ta' Berossus) — jippreżentaw stampa mhux kompluta u xi kultant kontradittorja tal-belt tal-qedem, anke fil-quċċata tagħha fis-seklu 6 Q.K. Il-Babilonja ġiet deskritta, x'aktarx anke żaruha, minn għadd ta' storiċi klassiċi, fosthom Ctesias, Erodotu, Quintus Curtius Rufus, Strabo u Cleitarchus. Dawn ir-rapporti jvarjaw fir-reqqa tagħhom u xi kontenut kien motivat politikament, iżda xorta waħda jipprovdu informazzjoni utli.

L-għarfien storiku dwar il-Babilonja bikrija jrid jinkiseb minn fdalijiet epigrafiċi li nstabu f'inħawi oħra, bħal f'Uruk, f'Nippur, f'Sippar, f'Mari u f'Haradum.

Referenzi bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]
Illustrazzjoni ta' Leonard William King tal-framment K. 8532, parti mill-Kronaka Dinastika li telenka l-mexxejja tal-Babilonja skont id-dinastiji.

L-iżjed tismija bikrija tal-Babilonja bħala raħal żgħir dehret f'tavla tat-tafal mir-renju ta' Shar-Kali-Sharri (2217-2193 Q.K.) tal-Imperu Akkadjan. Ir-referenzi għall-belt tal-Babilonja jistgħu jinsabu fil-letteratura Akkadjana u Sumerjana tal-aħħar tat-tielet millenju Q.K. Waħda mill-iżjed bikrin hija tavla li tiddeskrivi lir-re Akkadjan Šar-kali-šarri li stabbilixxa l-pedamenti ta' tempji ġodda fil-belt tal-Babilonja għal Annūnı̄tum u għal Ilaba. Il-Babilonja tidher ukoll fir-rekords amministrattivi tat-Tielet Dinastija ta' Ur, li kienet tiġbor il-ħlasijiet tat-taxxa in natura u kienet ħatret ensi bħala gvernatur lokali.

L-hekk imsejħa Kronaka ta' Weidner (magħrufa wkoll bħala ABC 19) tistqarr li Sargon ta' Akkad (għall-ħabta tas-seklu 23Q.K. fil-kronoloġija qasira) kien bena l-Babilonja "quddiem Akkad" (ABC 19:51). Kronaka li ġiet wara tistqarr li Sargon "ħa r-radam mill-foss tal-Babilonja, u bena kontoparti tal-Babilonja qrib Akkad". (ABC 20:18–19). Van de Mieroop issuġġerixxa li dawk is-sorsi x'aktarx li jirreferu għar-re Assirjan li ġie ferm wara, Sargon II tal-Imperu Neo-Assirjan iktar milli Sargon ta' Akkad.

Datazzjoni klassika

[immodifika | immodifika s-sors]

Ctesias, ikkwotat minn Diodorus Siculus u fil-Chronographia ta' George Syncellus, sostna li kellu aċċess għal manuskritti mill-arkivji Babilonjani, li jmorru lura għall-istabbiliment tal-Babilonja sal-2286 Q.K., taħt ir-renju tal-ewwel re tagħha, Belus. Data simili tinsab fil-kitbiet ta' Berossus, li skont Plinju, stqarr li l-osservazzjonijiet astronomiċi bdew fil-Babilonja 490 sena qabel l-era Griega ta' Foronju, jiġifieri l-2243 Q.K. Stiefnu ta' Biżanzju kiteb li l-Babilonja nbniet 1,002 sena qabel id-data mogħtija minn Hellanicus ta' Lesbos għall-assedju ta' Trojja (1229 Q.K.), jiġifieri l-istabbiliment tal-Babilonja kieku kellu jkun fl-2231 Q.K. Dawn id-dati kollha jsostnu li l-Babilonja ġiet stabbilita fis-seklu 23 Q.K.; madankollu, ma nstabux rekords kunejformi li jikkorrispondu ma' dawn ir-rakkonti klassiċi (postkunejformi).

Ir-riljiev tar-Reġina tal-Lejl. Il-figura tista' tkun aspett tal-alla femminili Ishtar, l-alla Babilonjana tas-sess u tal-imħabba.

L-ewwel darba li ssemmiet il-Babilonja kien fl-aħħar tat-tielet millenju Q.K. matul ir-renju tal-Imperu Akkadjan tal-mexxej Shar-Kali-Sharri, u wieħed mill-ismijiet tas-snin isemmi l-kostruzzjoni ta' żewġ tempji hemmhekk. Il-Babilonja kienet immexxija minn ensi (gvernaturi) għall-imperu. Uħud mill-gvernaturi magħrufa kienu Abba, Arši-aḫ, Itūr-ilum, Murteli, Unabatal u Puzur-Tutu. Wara dak il-perjodu ma jissemma xejn dwar il-belt sa żmien Sumu-la-El. Imbagħad, għall-ħabta tal-1950 Q.K. tfaċċaw ir-renji Amoriti f'Uruk u f'Larsa fin-Nofsinhar.

Perjodu Babilonjan tal-Qedem

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont lista ta' rejiet tal-Babilonja, it-tmexxija Amorita fil-Babilonja bdiet (għall-ħabta tas-seklu 19 jew 18 Q.K.) bil-kap mexxej Sumu-abum, li ddikjara l-indipendenza mill-belt-stat fil-qrib ta' Kazallu. Sumu-la-El, li d-dati tiegħu jaf jaqblu ma' dawk ta' Sumu-abum, normalment jingħata bħala l-proġenitur tal-Ewwel Dinastija Babilonjana. It-tnejn huma akkreditati bil-kostruzzjoni tal-ħitan tal-Babilonja. Fi kwalunkwe każ, ir-rekords jiddeskrivu s-suċċessi militari ta' Sumu-la-El, li stabbilixxa sfera reġjonali ta' influwenza għall-Babilonja.

Mappa li turi t-territorju tal-Babilonja meta Hammurabi kien fil-poter fl-1792 Q.K sa mewtu fl-1750 Q.K.

Inizjalment il-Babilonja kienet belt-stat minuri, u kienet tikkontrolla territorju żgħir fl-inħawi; l-ewwel erba' mexxejja Amoriti tagħha ma ħadux it-titlu ta' re. L-istati iktar antiki u iktar setgħana ta' Elam, Isin u Larsa sebqu lill-Babilonja sa ma saret il-belt kapitali tal-imperu b'għomru qasir ta' Hammurabi madwar seklu wara. Hammurabi (li rrenja fl-1792-1750 Q.K.) huwa famuż għall-kodifikazzjoni tal-liġijiet tal-Babilonja fil-Kodiċi ta' Hammurabi. Huwa ħakem il-bliet u l-bliet-stati kollha tan-Nofsinhar tal-Mesopotamja, inkluż Isin, Larsa, Ur, Uruk, Nippur, Lagash, Eridu, Kish, Adab, Eshnunna, Akshak, Shuruppak, Bad-tibira, Sippar u Girsu, u għaqqadhom f'renju wieħed, immexxi mill-Babilonja. Hammurabi invada u ħakem ukoll lil Elam lejn il-Lvant, u lir-renji ta' Mari u ta' Ebla lejn il-Majjistral. Wara kunflitt mar-re tal-perjodu Assirjan Antik, Ishme-Dagan, huwa ġiegħel lis-suċċessur tiegħu jħallas miżata fl-aħħar tar-renju tiegħu.

Wara r-renju ta' Hammurabi, in-Nofsinhar kollu tal-Mesopotamja sar magħruf bħala r-reġjun tal-Babilonja. Minn dak iż-żmien, il-belt tal-Babilonja ħadet post Nippur u Eridu bħala ċ-ċentri reliġjużi ewlenin tan-Nofsinhar tal-Mesopotamja. L-imperu ta' Hammurabi tilef l-istabbiltà wara mewtu. In-Nofsinhar imbiegħed tal-Mesopotamja nqata' għalih, u fforma d-Dinastija nattiva ta' Sealand, u l-Elamiti ħatfu t-territorju fil-Lvant tal-Mesopotamja. Id-dinastija Amorita baqgħet fil-poter fil-Babilonja, li mill-ġdid reġgħet saret belt-stat ta' daqs żgħir. Wara l-qerda tal-belt, il-Kassiti kisbu l-kontroll tar-reġjun.

It-testi mill-perjodu tal-Babilonja Antika spiss jinkludu referenzi għal Shamash, l-alla tax-xemx ta' Sippar, li kien ittrattat bħala divinità suprema, u Marduk, meqjus bħala ibnu. Iktar 'il quddiem Marduk ġie elevat għal status ogħla u l-istatus ta' Shamash naqas, x'aktarx bħala riflessjoni taż-żieda tal-poter politiku tal-Babilonja.

Babilonja Nofsanija

[immodifika | immodifika s-sors]
Siġill ċilindriku tal-ematit tal-Babilonja Antika. Dan is-siġill x'aktarx li nħadem f'Sippar (madwar 65 kilometru jew 40 mil fit-Tramuntana tal-Babilonja) matul jew ftit qabel ir-renju ta' Hammurabi. Juri lir-re jagħmel offerta ta' annimal lill-alla tax-xemx Shamash.

Fl-1595 Q.K. il-belt inħakmet mill-Imperu tal-Ittiti mill-Asja Minuri. Minn hemm 'il quddiem, il-Kassiti mill-muntanji Zagros ħakmu l-belt tal-Babilonja, u tawha l-isem ta' Karduniash, immexxija minn dinastija li damet għal 435 sena, sal-1160 Q.K.

Il-Babilonja ddgħajfet matul l-era tal-Kassiti, u b'riżultat ta' dan, il-Babilonja Kassita bdiet tħallas miżata lill-Faragħun tal-Eġittu, Thutmose III, wara t-tmien kampanja militari tiegħu kontra Mitanni. Il-Babilonja Kassita eventwalment saret soġġetta għall-Imperu Assirjan Nofsani (1365-1053 Q.K.) fit-Tramuntana, u għal Elam fil-Lvant, u ż-żewġ setgħat issieltu bejniethom għall-kontroll tal-belt.

Sal-1155 Q.K., wara attakki kontinwi u l-annessjoni tat-territorju mill-Assirjani u mill-Elamiti, il-Kassiti ġew deposti fil-Babilonja. Imbagħad, għall-ewwel darba mexxiet dinastija Akkadjana tan-Nofsinhar tal-Mesopotamja. Madankollu, il-Babilonja baqgħet dgħajfa u soġġetta għad-dominju mill-Assirja. Ir-rejiet nattivi ineffettivi tagħha ma kinux kapaċi jipprevjenu mewġiet ġodda ta' insedjaturi Semitiċi barranin tal-Punent mid-deżerti tal-Levant, fosthom l-Arameani u s-Suteani fis-seklu 11 Q.K., u finalment iċ-Ċaldeani fis-seklu 9 Q.K., li daħlu u ħadu xi partijiet tal-Babilonja għalihom infushom. L-Arameani rrenjaw fil-Babilonja għal żmien qasir fl-aħħar tas-seklu 11 Q.K.

Dettall tas-siġill ċilindriku.
Sennacherib tal-Assirja matul il-gwerra tal-Babilonja, riljiev mill-palazz tiegħu f'Nineveh.

Perjodu Assirjan

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul it-tmexxija tal-Imperu Neo-Assirjan (911-609 Q.K.), il-Babilonja kienet taħt id-dominju jew il-kontroll dirett tal-Assirjani. Matul ir-renju ta' Sennacherib tal-Assirja, il-Babilonja kienet fi stat kostanti ta' rewwixta, immexxija mill-kap mexxej Merodach-Baladan, f'alleanza mal-Elamiti, u ġiet mgħakksa biss permezz tal-qerda totali tal-belt. Fis-689 Q.K., il-ħitan, it-tempji u l-palazzi tal-belt inqerdu għalkollox, u t-tiġrif twaddab fl-Arakhtu, il-baħar li qabel kien imiss man-Nofsinhar tal-Babilonja bikrija. Il-qerda taċ-ċentru reliġjuż ixxokkjat lil bosta, u l-qtil sussegwenti ta' Sennacherib minn tnejn minn uliedu subien sakemm kien qed jitlob lill-alla Nisroch tqies bħala att ta' ndiema. B'konsegwenza ta' dan, is-suċċessur tiegħu, Esarhaddon ħaffef biex jerġa' jibni l-belt antika u għamilha r-residenza tiegħu għal parti mis-sena. Wara mewtu, ir-reġjun tal-Babilonja ġie ggvernat minn ibnu l-kbir, il-prinċep Assirjan Shamash-shum-ukin, li eventwalment beda gwerra ċivili fis-652 Q.K. kontra ħuh stess, Ashurbanipal, li kien il-mexxej ta' Nineveh. Shamash-shum-ukin kiseb l-għajnuna ta' popli oħra kontra l-Assirja, inkluż Elam, il-Persja, iċ-Ċaldeani, u s-Suteani tan-Nofsinhar tal-Mesopotamja, u l-Kananiti u l-Għarab li kienu jgħixu fid-deżerti fin-Nofsinhar tal-Mesopotamja.

Għal darb'oħra, il-Babilonja ġiet assedjata mill-Assirjani, batiet il-ġuħ u b'hekk kellha tarrendi u l-alleati ġarrbu telfa. Ashurbanipal iċċelebra "servizz ta' rikonċiljazzjoni", iżda ma azzardax "jieħu b'idejn" Bel. Gvernatur Assirjan jismu Kandalanu nħatar bħala l-mexxej tal-belt. Ashurbanipal ġabar xi testi mill-Babilonja sabiex jiġu inklużi fil-librerija estensiva tiegħu f'Nineveh.

Imperu Neo-Babilonjan

[immodifika | immodifika s-sors]
Ċilindru kunejformi mir-renju ta' Nebukadnessar II li jonora l-eżorċiżmu u r-rikostruzzjoni taż-żiggurat ta' Etemenanki minn Nabopolassar.

Taħt Nabopolassar, il-Babilonja ħelsitha mit-tmexxija Assirjana, u l-armati alleati tal-Babilonja Nofsanija finalment qerdu l-Imperu Assirjan bejn is-626 Q.K. u s-609 Q.K. B'hekk il-Babilonja saret il-belt kapitali tal-Imperu Neo-Babilonjan (xi kultant imsejjaħ Ċaldean).

Bl-irkupru tal-indipendenza tal-Babilonja, bdiet era ġdida ta' attività arkitettonika, b'mod partikolari matul ir-renju ta' ibnu Nebukadnessar II (604-561 Q.K.). Nebukadnessar ordna r-rikostruzzjoni sħiħa tal-artijiet imperjali, inkluż iż-żiggurat ta' Etemenanki, u l-kostruzzjoni tad-Daħla ta' Ishtar — l-iżjed daħla prominenti mit-tmien daħliet madwar il-belt tal-Babilonja. Rikostruzzjoni tad-Daħla ta' Ishtar tinsab fil-Mużew ta' Pergamon f'Berlin, il-Ġermanja.

Detall ta' riljiev mir-rikostruzzjoni tad-Daħla ta' Ishtar fil-Mużew ta' Pergamon, Berlin.

Nebukadnessar huwa akkreditat ukoll bil-kostruzzjoni tal-Ġonna Mdendlin tal-Babilonja, wieħed mis-Seba' Għeġubijiet tad-Dinja l-Antika, li jingħad li nbnew għall-martu nostalġika, Amytis. Mhuwiex ċert jekk il-ġonna eżistewx tassew jew le. L-arkeologu Ġermaniż Robert Koldewey spekula li kien skopra l-pedamenti tagħhom, iżda bosta storiċi ma jaqblux dwar il-pożizzjoni. Stephanie Dalley argumentat li l-ġonna mdendlin fil-fatt kienu jinsabu fil-belt kapitali Assirjana, Nineveh.

Nebukadnessar huwa assoċjat ferm ukoll mal-eżilju tal-Lhud lejn il-Babilonja, li kien ir-riżultat ta' teknika imperjali ta' paċifikazzjoni, li ntużat ukoll mill-Assirjani, fejn il-gruppi etniċi fl-inħawi maħkuma kienu jiġu deportati b'mod kollettiv lejn il-belt kapitali. Skont il-Bibbja bl-Ebrajk, huwa qered it-Tempju ta' Salamun u eżilja l-Lhud lejn il-Babilonja. It-telfa ġiet irreġistrata wkoll fil-Kronaki tal-Babilonja.

Ħakma Persjana

[immodifika | immodifika s-sors]
Rikostruzzjoni tad-Daħla ta' Ishtar bil-madum blu (il-Mużew ta' Pergamon, Berlin), li kienet id-daħla tat-Tramuntana tal-Babilonja. Ingħatat isem l-alla femminili tal-imħabba u l-gwerra. Id-daħla hija mżejna bil-barrin u bid-draguni, is-simboli tal-alla Marduk.

Fil-539 Q.K., l-Imperu Neo-Babilonjan ġarrab telfa kontra Cyrus il-Kbir, ir-re tal-Persja, bl-involviment militari magħruf bħala l-Battalja ta' Opis. Il-ħitan tal-Babilonja kienu meqjusa impenetrabbli. L-unika aċċess għall-belt kien minn waħda mill-ħafna daħliet tagħha jew mix-xmara Ewfrate. Ġew installata gradilji tal-metall taħt l-ilma, biex b'hekk il-fluss tax-xmara seta' jgħaddi mill-ħitan tal-belt iżda fl-istess ħin tiġi evitata kull intrużjoni. Il-Persjani ħejjew pjan biex jidħlu fil-belt mix-xmara. Matul festa nazzjonali Babilonjana, it-truppi ta' Cyrus iktar 'il fuq fil-fluss tax-xmara ddevjaw ix-xmara Ewfrate, u b'hekk is-suldati ta' Cyrus setgħu jidħlu fil-belt billi l-livell tal-ilma tax-xmara kien tbaxxa. L-armata Persjana ħakmet l-inħawi esterni tal-belt filwaqt li l-maġġoranza tal-Babilonjani fiċ-ċentru tal-belt lanqas biss indunaw x'kien qed jiġri. Ir-rakkont ġie elaborat ukoll minn Erodotu u jissemma f'partijiet mill-Bibbja bl-Ebrajk. Erodotu jiddeskrivi wkoll ħandaq għoli u wiesa', imkaħħal b'materjal bituminuż u bil-binjiet fuqu, u mitt daħla tal-belt. Huwa jikteb ukoll li l-Babilonjani kienu jilbsu turbani u fwejjaħ, kienu jidfnu lill-mejtin tagħhom fl-għasel, kienu jipprattikaw il-prostituzzjoni ritwali, u tliet tribujiet minnhom ma kienu jieklu xejn għajr il-ħut. Il-mitt daħla tal-belt jistgħu jitqiesu bħala referenza għal Omeru, u wara l-istqarrija ta' Archibald Henry Sayce fl-1883, ir-rakkont ta' Erodotu dwar il-Babilonja tqies minn bosta bħala li jirrappreżenta l-folklor Grieg iktar milli vjaġġ awtentiku lejn il-Babilonja. Madankollu, reċentement, Dalley u oħrajn issuġġerew li r-rakkont ta' Erodotu ta' min jittieħed bis-serjetà.

Suldat Babilonjan fil-armata Akemenida, għall-ħabta tal-470 Q.K., il-qabar ta' Xerxes I.

Skont żewġ kronaki mis-36 tal-Bibbja bl-Ebrajk, iktar 'il quddiem Cyrus ħareġ digriet li permezz tiegħu ħalla lil kulħadd, inkluż il-Lhud, jirritorna lejn art twelidu. It-test li nstab fuq iċ-Ċilindru ta' Cyrus tradizzjonalment tqies mill-istudjużi Bibbliċi bħala evidenza ċara ta' din il-politika, għalkemm l-interpretazzjoni mhix aċċettata minn kulħadd peress li t-test jidentifika biss is-santwarji tal-Mesopotamja u ma jagħmel l-ebda referenza għal-Lhud, għal Ġerusalemm jew għal Ġudea.

Taħt Cyrus u r-re Persjan sussegwenti Darius I, il-Babilonja saret il-belt kapitali tad-Disa' Satrapija (ir-reġjun tal-Babilonja fin-Nofsinhar u Athura fit-Tramuntana), kif ukoll ċentru tat-tagħlim u tal-avvanz xjentifiku. Fil-Persja Akemenida, l-arti antiki Babilonjani tal-astronomija u tal-matematika ġew rivitalizzati, u l-istudjużi Babilonjani kkompletaw mapep tal-kostellazzjonijiet. Il-belt saret il-belt kapitali amministrattiva tal-Imperu Persjan u baqgħet prominenti għal iktar minn żewġ sekli. Saru bosta skoperti arkeoloġiċi importanti li jistgħu jipprovdu fehim aħjar ta' dik l-era.

Ir-rejiet Persjani bikrin ippruvaw iżommu ċ-ċerimonji reliġjużi ta' Marduk, li kien l-iżjed alla importanti, iżda r-renju ta' Darius III, it-tassazzjoni żejda u l-impatt ta' bosta gwerer wasslu għad-deterjorament tas-santwarji u tal-kanali prinċipali tal-Babilonja, kif ukoll għad-destabbilizzazzjoni tar-reġjun tal-madwar. Saru bosta tentattivi ta' ribelljoni u fil-522 Q.K. (Nebukadnessar III), fil-521 Q.K. (Nebukadnessar IV) u fl-482 BC (Bel-shimani u Shamash-eriba), li kienu rejiet Babilonjani nattivi, reġgħu kisbu l-indipendenza għal żmien qasir. Madankollu, dawn ir-rewwixti malajr ġew mgħakksa u l-Babilonja baqgħet taħt it-tmexxija Persjana għal żewġ sekli, sad-dħul ta' Alessandru l-Kbir fit-331 Q.K.

Perjodu Ellenistiku

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Ottubru 331 Q.K., Darius III, l-aħħar re Akemenid tal-Imperu Persjan, ġarrab telfa kontra l-forzi tal-mexxej Maċedonjan Antik, Alessandru l-Kbir, fil-Battalja ta' Gaugamela.

Taħt Alessandru, il-Babilonja reġgħet iffjorixxiet bħala ċentru tat-tagħlim u tal-kummerċ. Madankollu, wara l-mewt ta' Alessandru fit-323 Q.K. fil-Palazz ta' Nebukadnessar, l-imperu tiegħu ġie maqsum fost il-ġenerali tiegħu, id-Diadochi, u f'qasir żmien segwew deċennji ta' ġlied. It-taqbid kostanti prattikament żvojta l-belt tal-Babilonja. Tavla datata tal-275 Q.K. tiddikjara li l-abitanti tal-Babilonja ġew ittrasportati lejn Seleucia, fejn inbnew palazz u tempju (Esagila). B'din id-deportazzjoni, il-Babilonja saret insinifikanti bħala belt, għalkemm iktar minn seklu wara, kienu għadhom jiġu offruti sagrifiċċji fis-santwarju antik tagħha.

Tmexxija Persjana mġedda

[immodifika | immodifika s-sors]

Taħt l-Imperi Partiċi u Sassanidi, il-Babilonja (bħall-Assirja) saret provinċja ta' dawn l-Imperi Persjani għal disa' sekli, sa wara s-650 W.K. Għalkemm inħakmet għal żmien qasir minn Trajanu fil-116 W.K. sabiex issir parti mill-provinċja tal-Mesopotamja li kienet għadha kemm inħakmet, is-suċċessur tiegħu Adrijanu xolja l-ħakmiet tiegħu lejn il-Lvant tax-xmara Ewfrate, li mill-ġdid saret il-konfini tal-Lvant tal-Imperu Ruman.

Madankollu, il-Babilonja baqgħet iżżomm il-kultura u l-poplu tagħha stess, li kien jitkellem varjetajiet ta' Aramajk, u li baqa' jirreferi għal art twelidu bħala l-Babilonja. Eżempji tal-kultura tal-poplu jinsabu fit-Talmud Babilonjan, ir-reliġjon Mandeana, il-Kristjaneżmu tar-Rit tal-Lvant u r-reliġjon tal-filosfu Mani. Il-Kristjaneżmu ġie introdott fil-Mesopotamja fis-sekli 1 u 2 W.K., u l-Babilonja kienet is-sede ta' Isqof tal-Knisja tal-Lvant sew wara l-ħakma Għarbija/Iżlamika. Ġew skavati muniti mill-perjodi Partiċi, Sassanidi u Għarab fil-Babilonja li juru l-kontinwità tal-insedjament fil-belt.

Ħakma Musulmana

[immodifika | immodifika s-sors]

F'nofs is-seklu 7, il-Mesopotamja nħakmet u ġiet insedjata mill-Imperu Musulman li kien qed jespandi, u dan ġie segwit minn perjodu ta' Iżlamizzazzjoni. Il-Babilonja ġiet xolta bħala provinċja u l-Aramajk u l-Knisja tal-Kristjaneżmu tal-Lvant eventwalment ġiet marġinalizzata. Ibn Hawqal (is-seklu 10) u l-istudjuż Għarbi al-Qazwini (is-seklu 13), jiddeskrivu l-Babilonja (Babil) bħala villaġġ żgħir. Dan tal-aħħar iddeskriva bir magħruf bħala l-"Kantina ta' Danjel" li kienu jżuruh il-Kristjani u l-Lhud matul il-btajjel. Is-santwarju u l-qabar ta' Amran ibn Ali kienu jżuruh il-Musulmani.

Il-Babilonja ssemmiet fil-kitbiet Għarab Medjevali bħala sors tal-brikks, li ntqal li ntużaw fil-bliet minn Bagdad sa Basra.

Il-vjaġġaturi Ewropej, f'bosta każijiet, ma setgħux jiskopru l-pożizzjoni tal-belt, jew ikkonfondewha ma' Fallujah. Benjamin ta' Tudela, vjaġġatur tas-seklu 12, isemmi l-Babilonja, iżda mhux ċar jekk marx hemmhekk. Oħrajn irreferew għall-Babilonja bħala Babel jew il-Babilonja l-Ġdida u ddeskrivew bosta strutturi tar-reġjun bħat-Torri ta' Babel. Pietro della Valle vvjaġġa lejn il-villaġġ ta' Babil fir-reġjun tal-Babilonja fis-seklu 17 u nnota l-eżistenza tal-brikks tat-tajn imnixxfin u moħmija, kif ukoll imħalltin ma' materjal bituminuż.

Mir-rakkonti ta' vjaġġaturi moderni, kont qed nistenna li fis-sit tal-Babilonja insib iktar, u inqas, milli fil-fatt sibt. Inqas, minħabba li ma stajt nifforma l-ebda idea tal-kobor u tad-daqs tal-fdalijiet kollha, kif ukoll tas-solidità, u l-istat perfett, ta' xi partijiet minnhom; u iktar, minħabba li ħsibt li kelli niddistingwi xi traċċi, anke jekk mhux perfetti, ta' bosta mill-istrutturi prinċipali tal-Babilonja. Immaġinajt li missni għidt: "Hawnhekk kien hemm il-ħitan, u hekk kellu jkun il-kobor tal-inħawi. Hemmhekk kien hemm il-palazz, u dan ċertament kien it-Torri ta' Belus". – Kont imqarraq għalkollox: minflok ftit tumbati iżolati, sibt il-wiċċ kollu tal-pajjiż miksi bil-fdalijiet ta' bini, f'xi postijiet magħmula minn ħitan tal-brikks pjuttost friski, f'oħrajn sempliċement sensiela kbira ta' tumbati ta' skart, b'kobor, figuri u varjetà differenti, li permezz tagħhom dak li jkun missu fforma xi teorija mingħajr konfużjoni. Claudius J. Rich, Memoir on the Ruins of Babylon (1815), pp. 1–2.

Pjanta tal-fdalijiet fl-1905 bil-pożizzjonijiet u l-ismijiet tal-villaġġi.

Fis-seklu 18 kien hemm żieda ta' vjaġġaturi lejn il-Babilonja, inkluż Carsten Niebuhr u Pierre-Joseph de Beauchamp, kif ukoll kejl tal-latitudni tal-belt. Il-memorji ta' Beauchamp, ippubblikati bl-Ingliż fl-1792, qanqlu l-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja biex tidderieġi lill-aġenti tagħha f'Bagdad u f'Basra biex jakkwistaw relitti tal-Mesopotamja għat-trasportazzjoni lejn Londra.

Sal-1905, kien hemm diversi villaġġi fil-Babilonja, u wieħed minnhom kien Qwaresh, b'madwar 200 unità domestika fi ħdan il-konfini tal-ħitan interni tal-belt antika. Il-villaġġ kiber minħabba l-ħtieġa tal-ħaddiema matul l-iskavi tas-Soċjetà Orjentali Ġermaniża (1899-1917).

Skavi u riċerka

[immodifika | immodifika s-sors]

Claudius Rich, hu u jaħdem mal-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja f'Bagdad, skava l-fdalijiet tal-Babilonja fl-1811-1812 u mill-ġdid fl-1817. Il-Kaptan Robert Mignan esplora s-sit għal żmien qasir fl-1827 u fl-1829 u ħejja mappa tal-Babilonja li tinkludi l-pożizzjoni ta' diversi villaġġi. William Loftus żar is-sit fl-1849. Austen Henry Layard wettaq xi riċerka matul żjara qasira fl-1850 qabel ma abbanduna s-sit.

Fulgence Fresnel, Julius Oppert u Felix Thomas skavaw sew il-Babilonja mill-1852 sal-1854. Madankollu, il-biċċa l-kbira tax-xogħol tagħhom intilef fid-Diżastru ta' Qurnah meta vapur tat-trasport tal-merkanzija u erba' ċattri għerqu fix-xmara Tigris f'Mejju 1855. Kienu qed jittrasportaw iktar minn 200 kontenitur ta' artefatti minn diversi missjonijiet ta' skavi meta ġew attakkati minn pirati tax-xmara Tigris qrib Al-Qurnah. L-isforzi ta' rkupru, bl-assistenza tal-awtoritajiet Ottomani u r-Residenza Brittanika f'Bagdad, għabbew l-ekwivalenti ta' 80 kontenitur fuq vapur li salpa lejn Le Havre f'Mejju 1856. Ftit antikitajiet mill-missjoni ta' Fresnel waslu effettivament Franza. Sforzi sussegwenti ta' rkupru tal-antikitajiet mitlufa mix-xmara Tigris, inkluż spedizzjoni Ġappuniża fl-1971-1972, ma tantx kellhom suċċess.

L-Iljun tal-Babilonja.

Henry Rawlinson u George Smith ħadmu hemmhekk għal żmien qasir fl-1854. L-iskavi li jmiss twettqu minn Hormuzd Rassam f'isem il-Mużew Brittaniku. Ix-xogħol beda fl-1879, u kompla sal-1882, u nbeda wara s-serq mifrux mis-sit. Rassam uża t-tħaffir fuq skala industrijali għat-tfittxija tal-artefatti, u rkupra kwantità kbira ta' tavli kunejformi u sejbiet oħra. Il-metodi bir-reqqa tal-iskavi, li kienu komuni dak iż-żmien, ikkawżaw ħsara sinifikanti għall-kuntest arkeoloġiku. Bosta tavli tfaċċaw fuq is-suq fl-1876 qabel ma bdew l-iskavi ta' Rassam.

Is-sit tad-Diżastru ta' Al Qurnah fejn mijiet ta' kontenituri bl-antikitajiet mill-missjoni ta' Fresnel intilfu fl-1855.

Tim mis-Soċjetà Orjentali Ġermaniża mmexxi minn Robert Koldewey wettaq l-ewwel skavi arkeoloġiċi xjentifiċi fil-Babilonja. Ix-xogħol twettaq kuljum mill-1899 sal-1917. Problema ewlenija għal Koldewey kienet l-estrazzjoni fuq skala kbira ta' brikks moħmija li kienet bdiet fis-seklu 19 u li kienu ġew prodotti fi żmien Nebukadnessar II. Meta bdew l-iskavi, kienet qed issir l-estrazzjoni tal-brikks għal diversi sforzi ta' kostruzzjoni, inkluż id-Diga ta' Hindiya. L-isforzi primarji tal-iskavi kienu jinvolvu t-tempju ta' Marduk u l-mogħdija li tagħti għalih, kif ukoll il-ħajt tal-belt. L-artefatti, inkluż biċċiet mid-Daħla ta' Ishtar u mijiet ta' tavli rkuprati, intbagħtu lejn il-Ġermanja, fejn il-kollega ta' Koldewey, Walter Andrae għamel rikostruzzjoni tagħhom għall-wiri fil-Vorderasiatisches Museum Berlin. L-arkeologi Ġermaniżi ħarbu qabel il-wasla tat-truppi Brittaniċi fl-1917, u għal darb'oħra, bosta oġġetti għebu fis-snin ta' wara.

Id-"Dħul ta' Alessandru fil-Babilonja", pittura tal-1665 ta' Charles LeBrun, li turi lil Alessandru l-Kbir jidħol bla tfixkil fil-belt tal-Babilonja, bl-arkitettura Ellenistiku pre-eżistenti.

Sar iktar xogħol mill-Istitut Arkeoloġiku Ġermaniż bis-saħħa ta' Heinrich J. Lenzen fl-1956 u ta' Hansjörg Schmid fl-1962. Ix-xogħol ta' Lenzen kellu x'jaqsam primarjament mat-teatru Ellenistiku, filwaqt li Schmid iffoka fuq iż-żiggurat ta' Etemenanki.

Fl-1974 twettaq stħarriġ topografiku tas-sit u fl-1977 sar rieżami tal-pożizzjoni stratigrafika tal-monumenti prinċipali tas-sit flimkien ma' kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-livelli antiki tal-ilma, miċ-Ċentru ta' Torino għar-Riċerka u għall-Iskavi Arkeoloġiċi fil-Lvant Nofsani u l-Asja u mill-Istitut Iraqqin-Taljan tax-Xjenzi Arkeoloġiċi. Saret enfasi fuq l-indirizzar tal-kwistjonijiet li tqajmu mir-rieżami tad-data Ġermaniża antika. Fl-1987-1989 sar xogħol addizzjonali li kkonċentra fuq l-inħawi madwar it-tempji ta' Ishara u ta' Ninurta fil-kwartier ta' Shu-Anna tal-belt tal-Babilonja.

Matul l-isforzi ta' restawr fil-Babilonja, l-Organizzazzjoni Statali tal-Iraq għall-Antikitajiet u l-Wirt wettqet riċerka estensiva, skavi u kklerjar, iżda l-pubblikazzjoni usa' ta' dawn l-attivitajiet arkeoloġiċi kienet limitata. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tat-tavli magħrufa mill-iskavi moderni kollha għadhom ma ġewx ippubblikati.

Gvern Iraqqin

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-madum oriġinali tal-mogħdija tal-purċissjonijiet.

Is-sit tal-Babilonja ilu assi kulturali għall-Iraq mill-ħolqien tal-istat Iraqqin modern fl-1921. Uffiċjalment is-sit ġie protett u skavat mir-Renju tal-Iraq taħt l-Amministrazzjoni Brittanika, li iktar 'il quddiem sar ir-Renju Ħaxemita tal-Iraq, u mis-suċċessuri tiegħu: il-Federazzjoni Għarbija, ir-Repubblika Iraqqina, l-Iraq Ba'atist (imsejjaħ uffiċjalment ir-Repubblika Iraqqina wkoll), u r-Repubblika tal-Iraq. Minn żmien għal żmien xbihat tal-Babilonja jitfaċċaw fuq il-kartolini postali u l-bolol postali tal-Iraq. Fis-snin 60 tas-seklu 20, fis-sit inbnew replika tad-Daħla ta' Ishtar u rikostruzzjoni tat-Tempju ta' Ninmakh.

Mušḫuššu (sirrush) u tiżjin b'annimal estint mal-ħitan.

Fl-14 ta' Frar 1978, il-gvern Ba'atist tal-Iraq taħt Saddam Hussein beda r-"Restawr Arkeoloġiku tal-Proġett tal-Babilonja": fejn ġew rikostruwiti xi karatteristiċi tal-belt antika fuq il-fdalijiet tagħha. Dawn il-karatteristiċi kienu jinkludu l-Palazz tan-Nofsinhar ta' Nebukadnessar, b'250 sala, ħames btieħi, u arkata fid-daħla ta' 30 metru. Il-proġett saħħaħ mill-ġdid ukoll il-Mogħdija tal-Purċissjonijiet, l-Iljun tal-Babilonja, u anfiteatru li kien inbena fl-era Ellenistika tal-belt. Fl-1982, il-gvern izzekka sett ta' seba' muniti b'karatteristiċi ikoniċi tal-Babilonja. F'Settembry 1987 sar Festival Internazzjonali tal-Babilonja, u kull sena wara dak iż-żmien sal-2002 (għajr fl-1990 u fl-1991), biex jintwera dan ix-xogħol. Ir-rikostruzzjoni proposta tal-Ġnien Imdendel u taż-żiggurat il-kbira qatt ma saret.

Hussein installa ritratt tiegħu nnifsu u ta' Nebukadnessar fid-daħla tal-fdalijiet u naqqax ismu fuq bosta mill-brikks, sabiex jimita lil Nebukadnessar. Kitba mnaqqxa frekwenti ssostni: "Dan inbena minn Saddam Hussein, iben Nebukadnessar, sabiex jigglorifika lill-Iraq". Dawn il-brikks saru mfittxija ħafna bħala oġġetti tal-kollezzjonisti wara l-waqgħa ta' Hussein. Proġetti simili twettqu f'Nineveh, f'Nimrud, f'Assur u f'Hatra, sabiex jintwera l-kobor tal-kisba Għarbija.

Fis-snin 80 tas-seklu 20, Saddam Hussein neħħa għalkollox il-villaġġ ta' Qwaresh, bi spostament tar-residenti kollha tiegħu. Iktar 'il quddiem bena palazz modern hemmhekk fuq xi fdalijiet antiki, fil-post li sejjaħ l-Għolja ta' Saddam, u bnieh bl-istil piramidali ta' żiggurat. Fl-2003 kien beħsiebu jibni linja b'cable car fuq il-Babilonja, iżda l-pjanijiet qatt ma twettqu wara l-invażjoni tal-Iraq fl-2003.

Taħt l-okkupazzjoni tal-Istati Uniti u tal-Polonja

[immodifika | immodifika s-sors]
Filmat tal-Fond Dinji tal-Monumenti dwar il-konservazzjoni tal-Babilonja.

Wara l-invażjoni tal-Iraq fl-2003, l-inħawi madwar il-Babilonja spiċċaw taħt il-kontroll tat-truppi tal-Istati Uniti, qabel ma ngħaddew lill-forzi Pollakki f'Settembru 2003. Il-forzi tal-Istati Uniti taħt il-kmand tal-Ġeneral James T. Conway tal-Forza tal-Ispedizzjonijiet Marittimi ġew ikkritikati talli bnew bażi militari msejħa "Kamp Alfa", b'helipad u b'faċilitajiet oħra fuq xi fdalijiet antiki tal-Babilonja matul il-Gwerra tal-Iraq. Il-forzi tal-Istati Uniti okkupaw is-sit għal xi żmien u kkawżaw ħsarat arkeoloġiċi irreparabbli. F'rapport tad-dipartiment tal-Lvant Qarib tal-Mużew Brittaniku, John Curtis iddeskriva kif partijiet tas-sit arkeoloġiku ġew livellati biex tinħoloq żona għall-inżul tal-ħelikopters, u parkeġġi għall-vetturi tqal. Curtis kiteb dan li ġej dwar il-forzi tal-okkupazzjoni:

Huma kkawżaw ħsarat irreparabbli lid-Daħla ta' Ishtar, wieħed mill-iżjed monumenti famużi ta' żmien il-qedem [...] Il-vetturi militari tal-Istati Uniti kissru l-pavimentar tal-brikks ta' 2,600 sena ilu, frammenti arkeoloġiċi ġew sparpaljati mas-sit kollu, iktar minn 12-il trunċiera tħaffru f'depożiti antiki u proġetti militari tat-tħaffir tal-art ikkontaminaw is-sit għall-ġenerazzjonijiet futuri ta' xjenzati.

Kelliem militari tal-Istati Uniti sostna li l-operazzjonijiet tal-inġinerija ġew diskussi mal-"kap tal-mużew tal-Babilonja". Il-kap tal-Bord Statali Iraqqin għall-Wirt u l-Antikitajiet, Donny George, qal li l-"ħerba kienet teħtieġ deċennji sħaħ biex titranġa" u kkritika lit-truppi Pollakki li kkawżaw "ħsara terribbli" fis-sit. Il-Polonja fl-2004 iddeċidiet li tqiegħed il-belt taħt il-kontroll Iraqqin, u kkummissjonat rapport bit-titlu Rapport dwar il-Kundizzjoni tal-Preservazzjoni tas-Sit Arkeoloġiku tal-Babilonja, li ġie ppreżentat f'laqgħa li saret fil-11 sat-13 ta' Diċembru 2004. Fl-2005, is-sit ingħadda lill-Ministeru Iraqqin għall-Kultura.

F'April 2006, il-Kurunell John Coleman, l-eks Kap tal-Persunal tal-Forza I tal-Ispedizzjonijiet Marittimi, offra li joħroġ apoloġija għall-ħsarat ikkawżati mill-persunal militari taħt il-kmand tiegħu. Madankollu, huwa saħaq ukoll li l-preżenza tal-Istati Uniti kienet naffret ħsara ferm ikbar minn individwi oħra li riedu jisirqu mis-sit. Artiklu ppubblikat f'April 2006 stqarr li l-uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mexxejja Iraqqini kellhom pjanijiet ta' restawr tal-Babilonja, biex issir ċentru kulturali.

Żewġ mużewijiet u librerija, li kien fihom repliki ta' artefatti kif ukoll mapep u rapporti lokali, ġew attakkati u nqerdu.

F'Mejju 2009, il-gvern provinċjali ta' Babil reġa' fetaħ is-sit għat-turisti u iktar minn 35,000 ruħ żaru s-sit fl-2017. Pipeline taż-żejt jgħaddi minn ġo ħajt estern tal-belt. Fil-5 ta' Lulju 2019, is-sit tal-Babilonja tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Eluf ta' nies jirresjedu fil-Babilonja fi ħdan il-perimetru tal-ħitan esterni tal-belt antika, u l-komunitajiet madwarhom "malajr qed jiżviluppaw minn insedjamenti kumpatti u densi, għal insedjamenti suburbani, minkejja l-liġijiet li jirrestrinġu l-kostruzzjonijiet". Fost il-villaġġi moderni hemm il-Punent ta' Zwair, il-Villaġġ ta' Sinjar, Qwaresh, u Al-Jimjmah. L-ewwel tnejn fosthom huma l-iżjed avvanzati ekonomikament. Il-biċċa l-kbira tar-residenti jiddependu primarjament fuq xogħlijiet ta' kuljum bil-pagi jew fuq impjiegi mal-gvern f'Al-Hillah, filwaqt li wħud ikabbru t-tamal, il-frott taċ-ċitru, it-tin, l-għalf għall-bhejjem u l-għelejjel bi flus kontanti limitati, għalkemm l-introjtu mill-art biss mhux biżżejjed biex tiġi sostnuta familja. Fil-Villaġġ ta' Sinjar jgħixu Musulmani Xiiti u Sunniti u hemm moskej għaż-żewġ gruppi.

Il-Bord Statali għall-Antikitajiet u l-Wirt (SBAH) huwa l-awtorità prinċipali responsabbli għall-konservazzjoni tas-sit arkeoloġiku. Huwa megħjun mill-Pulizija tal-Antikitajiet u l-Wirt li għandha preżenza permanenti fis-sit. Il-Fond Dinji tal-Monumenti huwa involut ukoll fir-riċerka u fil-konservazzjoni. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Ispettorat Provinċjali tal-Bord Statali għall-Antikitajiet u l-Wirt jinsabu fi ħdan il-ħitan interni tal-belt antika fuq in-naħa tal-Lvant u diversi membri tal-persunal u l-familji tagħhom jirresjedu f'abitazzjonijiet sussidjati hemmhekk.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Babilonja ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Veduta panoramika tal-fdalijiet tal-Babilonja fl-2005.

Importanza kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]
Illustrazzjoni litografika tal-Kronaka ta' Nuremberg tal-1493 li turi l-waqgħa tal-Babilonja.
"Il-Ħitan tal-Babilonja u t-Tempju ta' Bel (jew Babel)", tal-illustratur tas-seklu 19 William Simpson – influwenzat mill-investigazzjonijiet arkeoloġiċi bikrin.

Qabel l-iskavi arkeoloġiċi moderni fil-Mesopotamja, l-eżistenza tal-Babilonja kienet ġeneralment misteru, u tipikament kienet xbieha li kienu jpinġu l-artisti tal-Punent bħala post ibridu bejn l-kultura Eġizzjana antika, Griega klassika u Ottomana kontemporanja.

Minħabba l-importanza storika tal-Babilonja, kif ukoll ir-referenzi li saru għaliha fil-Bibbja, il-kelma "Babilonja" b'diversi lingwi kisbet tifsira ġenerika ta' belt kbira u miżgħuda nies. Xi eżempji jinkludu:

  • Babylon tintuża fil-mużika reggae bħala kunċett fis-sistema tat-twemmin tar-Rastafari, b'referenza għad-dinja kapitalista u materjalistika, jew kwalunkwe forma ta' ħażen imperjalist. Huwa maħsub li Babylon tipprova b'mod attiv tisfrutta u tgħakkes lin-nies tad-dinja, speċifikament lin-nies ta' dixxendenza Afrikana. Huwa maħsub mir-Rastafarjani li Babylon tipprova tipprojbixxi t-tipjip tal-ganja peress li din it-tip ta' ħaxixa sagra tiftaħ l-imħuħ għall-verità.
  • Il-mażunerija, li kellha l-verżjonijiet tagħha ta' leġġendi Bibbliċi, klassikament kienet tqis il-Babilonja bħala l-post fejn twieldu x-xjenza u l-għarfien.
  • Babylon 5 – Sensiela tal-fantaxjenza stabbilita fi stazzjon spazjali futuristiku li jorbot flimkien bosta kulturi differenti fuq livell kummerċjali u diplomatiku. Bosta stejjer jiffukaw fuq it-tema ta' soċjetajiet u kulturi differenti jingħaqdu flimkien, jirrispettaw id-differenzi, u jitgħallmu minn xulxin, minflok jiġġieldu u jħarsu lejn xulxin bil-preġudizzji u bis-suspetti.
  • Babylon A.D. huwa ambjentat fil-Belt ta' New York, deċennji 'l quddiem fil-futur.
  • Babilonas (l-isem tal-Babilonja bil-Litwan) hija kumpanija tal-iżvilupp tal-proprjetà immobbli fil-Litwanja.
  • "Babylon" hija kanzunetta ta' Lady Gaga li tuża allużjonijiet għal temi Bibbliċi antiki biex tiddiskuti z-zekzik.
  • Eternals (2021), turi l-Babilonja fl-aqwa tagħha, protetta u megħjuna fl-iżvilupp tagħha mill-eterni.

Narrattiva Bibblika

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Ktieb tal-Ġenesi, Babel tiġi deskritta bħala stabbilita minn Nimrod flimkien ma' Uruk, Akkad u x'aktarx Calneh — kollha kemm huma f'Shinar ("Calneh" issa ġieli tiġi tradotta mhux bħala isem proprju iżda bħala frażi li tfisser "kollha kemm huma"). Ġrajja oħra tingħata fil-Ġenesi 11, li tiddeskrivi razza umana unita, titkellem lingwa waħda, b'migrazzjoni lejn Shinar biex tistabbilixxi belt u torri — it-Torri ta' Babel. Alla jwaqqaf il-kostruzzjoni tat-torri billi jisparpalja l-umanità mad-dinja kollha u jgerfex il-komunikazzjoni bejniethom sabiex ma jkunux jistgħu jifhmu lil xulxin bl-istess lingwa.

Wara Hezekiah, ir-Re tal-Ġudea, marad, u Baladan, ir-Re tal-Babilonja, bagħatlu ittra u rigali. Hezekiah wera t-teżori kollha tiegħu lid-delegazzjoni, u l-profeta Iżaija iktar 'il quddiem qallu: "Kun af li ġejjin jiem meta kulma hemm f'darek, u dak kollu li ħażnu missirijietek sa dakinhar, se jiġu ttrasportati lejn il-Babilonja; u ma jifdal xejn". Xi 200 sena wara, Nebukadnessar, ir-Re tal-Babilonja, invada l-Ġudea, assedja Ġerusalemm u ddeporta l-Lhud lejn il-Babilonja.

Il-profeta Danjel għex fil-Babilonja għall-biċċa l-kbira ta' ħajtu. Nebukadnessar għamel lil Danjel mexxej tal-provinċja kollha tal-Babilonja talli interpretalu l-ħolma tiegħu. Snin wara, Belshazzar għamel bankett, u fih tfaċċaw is-swaba' ta' id u kitbu fuq ħajt. Danjel issejjaħ biex jipprovdi interpretazzjoni tal-kitbiet, fejn spjega li Alla kien temm ir-renju ta' Belshazzar. Belshazzar inqatel dik il-lejla stess, u Darius il-Mede ħa r-renju f'idejh.

Il-Ktieb ta' Iżaija jgħid dan li ġej rigward il-Babilonja: "Se tkun bħal Sodoma u Gomorra meta Alla qeridhom. Qatt ma terġa' tiġi abitata għal ġenerazzjonijiet sħaħ; l-ebda Għarbi ma jikkampja hemmhekk; l-ebda ragħaj ma jirgħa l-merħliet tiegħu hemmhekk". Il-Ktieb ta' Ġeremija jgħdi li l-Babilonja "qatt mhi se terġa' tiġi abitata" u li "ħadd mhu se jgħix hemmhekk, u l-ebda bniedem mhu se jirresjedi hemmhekk", u li se tkun art li minnha "ma jgħaddi l-ebda bniedem". It-territorji tal-Babilonja, Edom, Bozrah, Moab, Tyre, Hazor, u l-ulied subien ta' Ammon kollha jitbassru fil-Bibbja li se jsiru bħal Sodoma u Gomorra, jew ma jiġu abitati qatt iktar.

Diversi studjużi tal-profeziji Bibbliċi, l-iktar Chuck Missler, isostnu li l-"Qerda tal-Babilonja" kif deskritta fid-dettall f'Iżaija 13-14, Ġeremija 50–51, u x'aktarx fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni 17-18 jirreferu għal qerda litterali u futura ta' belt reali. Missler kiteb li l-Babilonja kienet għadha trid tinqered skont il-profezija ta' Iżaija u Ġeremija. Il-Persjani rnexxielhom jieħdu l-Babilonja mingħajr ġlied fil-539 Q.K.

Skont it-tradizzjoni Lhudija, il-Babilonja tissimbolizza oppressur li l-fidili rridu jiġġieldu kontrih. Fil-Kristjaneżmu, il-Babilonja tissimbolizza l-għemil tad-dinja u l-ħażen. Il-profeziji xi kultant jorbtu simbolikament ir-rejiet tal-Babilonja ma' Luċifru. Nebukadnessar II, xi kultant imħawwad ma' Nabonidus, jidher bħala l-ewwel mexxej f'din in-narrattivi.

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni fil-Bibbja Kristjana jirreferi għall-Babilonja bosta sekli wara li baqgħetx ċentru politiku ewlieni. Il-belt tiġi ppersonifikata bħala l-"Prostituta tal-Babilonja", riekba fuq bhima ħamra b'sebat irjus u b'għaxar qrejjen, li kienet tixrob id-demm tat-twajbin. Xi studjużi tal-letteratura apokalittika jemmnu li din il-"Babilonja" tat-Testment il-Ġdid hija disfemiżmu għall-Imperu Ruman. Studjużi oħra jissuġġerixxu li l-Babilonja fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni għandha tifsira simbolika li tmur lil hinn minn sempliċi identifikazzjoni tal-Imperu Ruman tas-seklu 1 W.K.

Babilonja fl-arti

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Bennett, Julian (1997). Trajan: Optimus Princeps. Routledge. ISBN 0-415-16524-5.
  • Cancik-Kirschbaum, Eva, Margarete van Ess, & Joachim Marzahn, eds. (2011). Babylon: Wissenskultur in Orient und Okzident. Berlin/Boston: De Gruyter. ISBN 978-3-11-022212-8.
  • Finkel, I. L. and M. J. Seymour, eds. Babylon. Oxford University Press, 2009. ISBN 0-19-538540-3 . Exhibition organized by British Museum, Musée du Louvre & Réunion des Musées Nationaux, and Staatliche Museen zu Berlin.
  • Liverani, Mario. Imagining Babylon: The Modern Story of an Ancient City. Translated from Italian to English by Ailsa Campbell. Boston: De Gruyter, 2016. ISBN 978-1-61451-602-6. Originally published as Immaginare Babele in 2013.
  • Mommsen, Theodor; Dickson, William Purdie; Haverfield, Francis (2004). The provinces of the Roman Empire: from Caesar to Diocletian, Vol. II. Gorgias Press LLC. ISBN 978-1-59333-026-2.
  • Sayce, Archibald Henry (1878). "Babel" . In Baynes, T. S. (ed.). Encyclopædia Britannica. Vol. III (9th ed.). New York: Charles Scribner's Sons. p. 178.
  • Sayce, Archibald Henry (1911). "Babylon" . In Chisholm, Hugh (ed.). Encyclopædia Britannica. Vol. 3 (11th ed.). Cambridge University Press. pp. 98–99.
  • Seymour, M. J. (2006). The idea of Babylon: archaeology and representation in Mesopotamia (Doctoral thesis). University College London. OCLC 500097655.
  • Vedeler, Harold Torger. A Social and Economic Survey of the Reign of Samsuiluna of Babylon (1794–1712 BC). PhD dissertation accepted at Yale, May 2006.
  • "Babel" . Encyclopædia Britannica. Vol. 3 (11th ed.). 1911. p. 91.
  • Oates, Joan (1986). Babylon. Thames and Hudson. ISBN 0-500-02095-7. and ISBN 0-500-27384-7 (paperback)
  • Maul, Stefan (1997). "The Ancient Middle Eastern Capital City – Reflection and Navel of the World". Stanford Presidential Lectures and Symposia in the Humanities and Arts. – originally published in German "Die altorientalische Hauptstadt – Abbild und Nabel der Wel". Die Orientalische Stadt: Kontinuitat. Wandel. Bruch. 1 Internationale Colloquium der Deutschen Orient-Gesellschaft. 9–10. Mai 1996 in Halle/Saale. Saarbrücker Druckerei und Verlag: 109–124. 1997.
  • Rich, Claudius:
    • 1815. Memoir on the Ruins of Babylon. Third Edition, 1818.
    • 1818. Second Memoir on Babylon.
    • 1839. Narrative of a journey to the site of Babylon in 1811. Posthumous compilation.
  • "UNESCO: Iraq invasion harmed historic Babylon". Associated Press. 10 July 2009.
  • Dalley, Stephanie (2021). The City of Babylon: A History c. 2000 BC - AD116. Cambridge University Press. ISBN 978-1-316-50177-1.
  • Pedersen, Olof (2021). Babylon: The Great City (PDF). Zaphon. ISBN 978-3-96327-136-6.
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Babylon". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-28.