Il-Gruppi Politiċi tal-Parlament Ewropew 

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jinġabru fi gruppi politiċi – m'humiex mqassma skont in-nazzjonalità tagħhom, imma skont l-affiljazzjoni politika tagħhom. Bħalissa hemm 8 gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.

Id-distribuzzjoni tas-siġġijiet fost il-gruppi politiċi fil-bidu tal-leġiżlatura 2024-2029 tal-Parlament Ewropew 

Jeħtieġ numru minimu ta' 23 Membri biex jiġi ffurmat grupp politiku, u mill-inqas kwart tal-Istati Membri (attwalment sebgħa) iridu jkunu rappreżentati f'kull grupp. Il-Membri ma jistgħux jagħmlu parti minn aktar minn grupp politiku wieħed.

Xi Membri ma jappartjenu għall-ebda grupp politiku u huma magħrufa bħala Membri mhux affiljati.

Ir-rwol tal-gruppi politiċi

Il-gruppi politiċi jistgħu jiġu ffurmati fi kwalunkwe waqt matul il-leġiżlatura.
Kull grupp politiku jieħu ħsieb l-organizzazzjoni interna tiegħu billi jaħtar president (jew kopresidenti), bureau u segretarjat.

Il-gruppi politiċi jgawdu minn ċerti vantaġġi: għandhom rwol importanti fl-istabbiliment tal-aġenda tal-Parlament, huma allokati aktar ħin għad-diskorsi matul id-dibattiti u għandhom aktar spazju għall-uffiċċji, persunal u fondi. Huma jiddeċiedu wkoll dwar it-twaqqif ta' kumitati u delegazzjonijiet parlamentari.

L-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-kamra plenarja tiġi deċiża skont l-affiljazzjoni politika, mix-xellug għal-lemin, bi qbil mal-presidenti tal-gruppi.

Qabel kull votazzjoni fil-plenarja, il-gruppi politiċi jiskrutinizzaw ir-rapporti mfassla mill-kumitati parlamentari u jressqu emendi għalihom.

Il-pożizzjoni adottata mill-grupp politiku tintlaħaq permezz ta' diskussjoni fi ħdan il-grupp. L-ebda Membru ma jista' jiġi mġiegħel jivvota b'mod partikolari.