Aqbeż għall-kontentut

Lorry Sant

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lorry Sant
Ħajja
Twelid Raħal Ġdid, 26 Diċembru 1937
Mewt 5 Ottubru 1995
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku

Lorry Sant (ir-Raħal Ġdid, 26 ta' Diċembru 1937 - 5 ta' Ottubru 1995) kien Ministru tax-Xogħol u tal-Isports fil-Gvernijiet Laburisti mmexxija minn Dom Mintoff bejn l-1971 u l-1987, u kien jissemma ħafna bħala suċċessur ta' Dom Mintoff bħala mexxej tal-Partit.

Bin Ġanni, li kien is-Segretarju tal-ewwel Kumitat Laburista tar-Raħal Ġdid u Ħal Tarxien wara l-irvellijiet tas-Sette Giugno tal-1919, u Mary, imwielda Consiglio. Sant ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola St. Michael u fl-Istitut Tekniku qabel daħal it-Tarzna.

Minn meta kien għadu daqsxejn ta' tifel kien diġà beda jikkanvassja għall-kandidati tal-Partit Laburista tat-Tielet distrett elettorali. Huwa nnifsu daħal fil-politika fil-ħamsinijiet u fl-1958 inħatar Segretarju Ġenerali tal-'Labour League of Youths', fejn wara nħatar editur tal-gazzetta bl-Ingliż 'The Struggle', l-organu tal-għaqda taż-żgħażagħ Laburisti.

Fid-9 ta' April 1960, Lorry Sant ingħata l-Interdett wara li kiteb editorjal li fih ikkritika lill-Arċisqof Mikiel Gonzi fuq il-Pastorali ta' Frar tal-istess sena. Il-gazzetta kienet twaqqfet ukoll wara d-disa' ħarġa tagħha, iżda Sant baqa' jagħti l-kontribut tiegħu fil-pubblikazzjoni tal-Partit Laburista 'The Knight' li beda joħroġ fl-1960.

Sena wara, l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, li kien ħareġ jikkundanna lill-Isqfijiet għall-atteġġjament tagħhom fil-ġlieda ta' Malta mal-Gvern Ingliz, kien ingħata l-Interdett ukoll. Fl-1964, l-Arcisqof Gonzi neħħa l-Interdett minn fuq il-Partit Laburista u minn fuq Lorry Sant.

Segretarju tat-Taqsima tal-Metall tal-General Workers Union

[immodifika | immodifika s-sors]

Barra l-inkwiet politiku-reliġjuż, kien hemm inkwiet ieħor, it-theddid għat-telfien ta' aktar imjiegi fit-Tarzna mill-Gvern Ingliż. Lorry Sant kien minn ta' quddiem f'din il-ġlieda. Huwa kien intgħażel minn ħaddiema bħalu bħala l-ewwel segretarju tagħhom, tat-Taqsima tal-Metall tal-General Workers Union, f'Mejju 1961. Kienet biċċa xogħol iebsa għat-taqsima tal-metall, għax il-Gvern Ingliż kien ħa d-deċizjoni li jgħaddi r-responsabbilità tat-Tarzna lil kumpanija privata Ingliża. L-għan tal-Gvern Ingliż deher ċar. Ried jgħaddiha lil kumpanija privata biex flok jagħti s-sensji hu, tagħtihom il-kumpanija privata.

Fil-Parlament

[immodifika | immodifika s-sors]

Sant tela' fil-Parlament fl-Elezzjoni tal-1962 mit-Tielet Distrett. Flimkien ma' Rokku Abdilla, kienu l-uniċi żewġ ħaddiema tat-Tarzna fost is-sittax-il Deputat Laburista wara l-elezzjoni tal-1962, li fiha l-Partit Laburista kien interdett mill-Knisja.

Fl-1964, mar il-Kajr fuq stedina tal-President Nasser li offra r-radju biex permezz tiegħu l-Partit Laburista jkun jista' jsemma leħnu.

Sant reġa' tela' fl-elezzjonijiet tal-1966 u tal-1971.

Fl-1971, Lorry Sant inħatar bħala Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Fl-1972 akkumpanja lil Mintoff fi żjara fiċ-Ċina.

Fl-1976 żdiedlu wkoll l-Isport mal-Ministeru tiegħu, u fl-1983 anke d-Djar. Bejn Diċembru 1981 u Settembru 1983 kien Ministru tal-Intern. Fi żmienu sar ħafna xogħol fosthom l-Istadium Nazzjonali tal-Futbol Ta' Qali u l-Padiljun tal-Isports f'Kordin kif ukoll il-proġett ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Fl-1987, ikkontesta l-aħħar elezzjoni tiegħu u tela' mir-raba' distrett.

Sant kien ikkritikat għall-istil ta' tmexxija tiegħu deskritt bħala aggressiv. Bħala Membru Parlamentari, kien sikwit joħloq tensjoni u akkużat li jkun vjolenti lejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Fid-Diskors tal-Oppożizzjoni għall-Budget tal-1987, il-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami kien irrefera għan-numru ta' avvenimenti vjolenti, partikolarment il-qtil ta' Raymond Caruana u l-ħruq tat-Times of Malta; fil-Parlament nħolqot tensjoni kbira, tant li l-Ministru Lorry Sant avviċina lil Fenech Adami u qattagħlu l-karti li kien qed jaqra u waddabhom mal-art. Fl-istess okkażjoni, il-President tal-Kamra kellu jissospendi s-seduta.

Fl-1990, il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni qalet li kien hemm provi biżżejjed ta' korruzzjoni fil-qasam tal-bini meta Sant kien Ministru, u l-Bord tal-Viġilanza tal-Partit Laburista issospendieh minn kull attività tal-Partit. Fl-1992 ma tħalliex jikkontesta mill-Partit Laburista. Is-sospensjoni tiegħu tneħħiet mill-Mexxej tal-Partit Dr. Alfred Sant fl-24 ta' April 1995 meta Lorry Sant kien marid bil-kanċer.

Ħajja Personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Sant kien iżżewweġ lil Carmen, imwielda Pace, fl-1968 u ma kellhomx tfal. Fit-tmeninijiet kien hemm każ forsi uniku fl-istorja tal-Parlament Malti meta kien hemm tlieta mill-istess familja fil-Parlament, Lorry Sant, martu Carmen, u ħuh Salvu.

Fl-10 ta' Frar 2000, kien inawgurat monument f'ġieħu fi ġnien imsemmi għalih f'Raħal Ġdid.