Aqbeż għall-kontentut

Castel del Monte, Puglia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Castel del Monte

Castel del Monte (bit-Taljan litteralment tfisser "Kastell tal-Għolja"; bid-djalett ta' Bari: Castìdde du Monte) huwa ċittadella u kastell tas-seklu 13 li jinsab fuq għolja f'Andria fir-reġjun ta' Puglia fix-Xlokk tal-Italja. Inbena fis-snin 40 tas-seklu 13 mir-re Federiku II, li kien wiret l-artijiet fejn jinsab mingħand ommu Costanza ta' Sqallija. Fis-seklu 18, l-irħam ta' ġewwa l-kastell u l-bqija tal-għamara tneħħew. Ma għandux ħandaq jew pont sad-daħla tiegħu li jogħla u jinżel; fil-fatt uħud isostnu li qatt ma kien maħsub bħala fortizza tad-difiża.[1] Madankollu, minn xogħol arkeoloġiku li sar ġie suġġerit li oriġinarjament kellu ħajt diviżorju madwaru.[2] Is-sit ġie deskritt mill-Enciclopedia Italiana bħala "l-iktar kastell tal-għaġeb li nbena minn Federiku II".[3] Castel del Monte huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4] Il-monument jidher ukoll fuq in-naħa ta' wara tal-verżjoni Taljana taċ-ċenteżmu tal-ewro.[5]

Il-pjanta ta' Castel del Monte

Castel del Monte jinsab fuq għolja żgħira qrib il-monasteru ta' Santa Marija tal-Għolja, f'altitudni ta' 540 metru.[6] Meta l-kastell inbena, ir-reġjun kien magħruf għax kien għammiel, bi provvista kbira tal-ilma u tkattir tal-veġetazzjoni.[1] Jinsab fil-komun ta' Andria fil-provinċja ta' Barletta-Andria-Trani, fis-sit ta' fortizza preċedenti li ma baqa' l-ebda fdal strutturali tiegħu.

Il-kostruzzjoni tal-kastell tissemma f'sors kontemporanju wieħed, dokument li jmur lura għall-1240, fejn jingħad li Federiku II ordna lill-gvernatur ta' Capitanata jlesti xi xogħlijiet fih.[3] Il-kastell qatt ma tlesta u ma hemm l-ebda evidenza li użah bħala loġġa tal-kaċċa kif spiss jingħad.[3] Iktar 'il quddiem ġie kkonvertit f'ħabs, intuża bħala rifuġju matul il-pesta, u finalment ġie mitluq. Oriġinarjament kellu ħitan u kolonni tal-irħam, iżda l-irħam tneħħa u nsteraq minn vandali jew reġa' ntuża fil-kostruzzjonijiet fil-qrib.

Castel del Monte mill-bitħa interna

Minħabba d-daqs relattivament żgħir tiegħu, fl-imgħoddi l-kastell kien jitqies li kien xejn iktar minn "loġġa tal-kaċċa", iżda l-istudjużi issa jemmnu li oriġinarjament kellu ħajt diviżorju qisu sur madwaru u kien iservi ta' ċittadella.[2] Federiku kien responsabbli għall-kostruzzjoni ta' ħafna kastelli fir-reġjun ta' Puglia, iżda d-disinn ġeometriku ta' Castel del Monte kien uniku.[1] Il-fortizza hija priżma ottagonali b'torri ottagonali f'kull rokna. It-torrijiet oriġinarjament kienu xi ħames metri ogħla minn issa, u x'aktarx li suppost kellhom jinkludu t-tielet sular.[3] Iż-żewġ sulari eżistenti fihom tmien kmamar u bitħa interna bi tmien naħat fiċ-ċentru tal-kastell.[7] Kull waħda mill-kmamar prinċipali għandha soqfa bil-volti. Tlieta mit-torrijiet fl-irkejjen fihom turġien. Il-kastell għandu żewġ daħliet, daħla diskreta tas-servizz u daħla prinċipali mżejna. Id-daħla prinċipali ta' Federiku kellha elementi mid-disinn klassiku, u jaf kienu influwenzati mill-interess ta' Federiku fl-arkitettura Griega-Rumana.[1]

Il-pjanta ottagonali mhijiex tas-soltu fid-disinn tal-kastelli. L-istoriċi ddibattew l-iskop tal-binja u fl-imgħoddi ġie ssuġġerit li kienet maħsuba bħala loġġa tal-kaċċa. Teorija oħra ssostni li l-ottagonu huwa simbolu intermedju bejn kwadru (li jirrappreżenta d-Dinja) u ċirku (li jirrappreżenta s-sema). Federiku II seta' kien ġie ispirat li jibni l-kastell b'din l-għamla mill-Koppla tal-Blata f'Ġerusalemm, li kien ra matul is-Sitt Kruċjata, or mill-Kappella Palatina tal-Katidral ta' Aachen.

Wara li ntuża okkażjonalment bħala loġġa tal-kaċċa taħt Manfredo ta' Sqallija[8], il-kastell sar ħabs statali taħt Karlu I ta' Anjou: it-tfal ta' Manfredo, Enriku, Azzo u Enzo, inżammew hawnhekk bħala priġunieri wara l-1266, flimkien ma' sostenituri oħra tal-Hohenstaufen.[3]

Il-ħajt prinċipali huwa għoli 25 metru u t-tmien bastjuni huma għoljin 26 metru kull wieħed. In-naħat tal-ottagonu prinċipali huma twal 16.5-il metru u t-torrijiet ottagonali huma twal 3.1 metri. Il-kastell għandu dijametru ta' 56 metru u d-daħla prinċipali tiegħu tħares lejn il-Lvant.

It-tieqa tal-kamra tat-tron

Fis-seklu 18, l-irħam tal-kastell u tiżjin ieħor insteraq. Membri tal-familja tal-Borboni ħadu l-kolonni u gwarniċi tat-twieqi tal-irħam u reġgħu użawhom fil-palazz tagħhom f'Caserta.[1] Li fadal issa huma frammenti ta' kavallier u riljiev Ruman li ntuża mill-ġdid, filwaqt li fil-Gallerija Provinċjali ta' Bari hemm framment ta' ras u bust ta' persuna bla ras u bil-mant, li xi kultant jiġi interpretat bħala Federiku II.[3] Wara li ġie abbandunat għal żmien konsiderevoli, il-kastell inxtara fl-1876 għas-somma ta' 25,000 lira Taljana mill-Istat Taljan, li beda l-proċess tar-restawr fl-1928.[9]

Matul l-okkupazzjoni Alleata tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-15-il Forza Armata tal-Ajru tal-Istati Uniti kellha kwartieri ġenerali u stazzjon sigriet ta' għajnuna fin-navigazzjoni msejjaħ "Big Fence" f'Castel del Monte.

Fis-snin 50 tas-seklu 20, fil-ħamrija madwar il-kastell ġie skopert kompost aħmar jgħajjat prodott minn razza tal-batterju Streptomyces peucetius. Ix-xjenzati semmew il-mediċina magħmula b'dan il-batterju bħala dawnorubiċina, u żvilupp ulterjuri identifika kompost relatat imsejjaħ doksorubiċina li jintuża bħala aġent kemoterapewtiku fit-trattament tal-kanċer.[10]

It-trama ċentrali tar-rumanz ta' Umberto Eco, L-Isem tal-Warda, hija msejsa madwar fortizza antika magħrufa bħala l-Aedificium. Din kważi ċertament kienet ispirata minn Castel del Monte.[11][12] Il-kastell intuża wkoll fil-film Tale of Tales.

Fl-1996, Castel del Monte sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, li ddeskrivietu bħala "kapulavur uniku tal-arkitettura militari Medjevali".[4][13]

Castel del Monte jidher fuq in-naħa ta' wara tal-verżjoni Taljana taċ-ċenteżmu tal-ewro.

Il-kastell, b'mod żbaljat, spiss ġie kkollegat mal-Kavallieri Templari u ġie meqjus bħala kostruzzjoni "misterjuża" anke minn storiċi notevoli. L-istoriku Taljan Raffaele Licinio sikwit ikkundanna dawk il-fehmiet u l-interpretazzjonijiet esoteriċi, u saħaq li Castel del Monte kien wieħed mill-kastelli ta' sistema ta' fortifikazzjonijiet żviluppati minn Federiku II, u bl-ebda mod mhu kkollegat mat-Templari.[14][15][16]

Castel del Monte D.O.K.

[immodifika | immodifika s-sors]
Kapitell b'maskarun fit-tromba tat-taraġ

Madwar il-kastell, Andria hija reġjun tal-inbid Taljan ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Kontrollata (D.O.K.) ta' Castel del Monte li tipproduċi nbejjed ħomor, bojod u rożè.

Il-biċċa l-kbira tal-inbejjed jiġu prodotti minn taħlitiet ta' għenbiet iżda jistgħu jiġu prodotti wkoll inbejjed ta' varjetà partikolari diment li mill-inqas 90 % tal-inbid jiġi prodott mill-istess għenba.

L-inbejjed ħomor is-soltu jkunu taħlita ta' 65-100 % Uva di Troia, u sa 35 % Sangiovese, Montepulciano, Pinot noir u Aglianico. L-inbejjed rożè jinkludu 65-100 % Uva di Troia u/jew Bombino nero ma' varjetajiet oħra ta' għenbiet ħomor għall-bqija. L-inbejjed bojod huma magħmula l-iktar minn Pampanuto (65-100 %) ma' varjetajiet oħra lokali ta' għenbiet ta' inbid abjad għall-bqija.

L-għenbiet tal-inbejjed ħomor u rożè huma limitati għal rendiment fil-ħsad ta' 14-il tunnellata għal kull ettaru u jridu jipproduċu nbid b'minimu ta' livell tal-alkoħol ta' 12 % (11 % fil-każ tar-rożè). L-għenbiet tal-inbid abjad huma limitati għal rendiment fil-ħsad ta' 15-il tunnellata għal kull ettaru u jridu jipproduċu nbid b'minimu ta' livell tal-alkoħol ta' 11 %.

Sabiex l-inbid jiġi ttikkettat bħala Riserva, l-inbid irid jitħalla jimmatura għal mill-inqas sentejn u sena minnhom fi btieti tal-ballut/tal-injam u jrid ikollu minimu ta' livell tal-alkoħol ta' 12.5 %.[17]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-saqaf ta' wieħed mit-torrijiet minn ġewwa

Castel del Monte ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[4]

  1. ^ a b ċ d e Castex, Jean (2008), Architecture of Italy, ABC-CLIO, ISBN 978-0-313-32086-6. p. 21.
  2. ^ a b Hindley, Geoffrey (1968), Castles of Europe, Great Buildings of the World, Feltham, Middlesex, England: Paul Hamlyn, p. 149, ISBN 978-0-600-01635-9.
  3. ^ a b ċ d e f "CASTEL DEL MONTE in "Federiciana"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-08-29.
  4. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Castel del Monte". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-29.
  5. ^ "Images of Euro Coins - 1 Cent". www.eurocoins.co.uk. Miġbur 2021-08-29.
  6. ^ Castex, Jean (2008), Architecture of Italy, ABC-CLIO, ISBN 978-0-313-32086-6. p. 20.
  7. ^ Tuulse, Armin (2002) [1958], Castles of the Western World, Dover Publications, pp. 60–61, ISBN 0-486-42332-8.
  8. ^ Castex, Jean (2008), Architecture of Italy, ABC-CLIO, ISBN 978-0-313-32086-6, p. 22.
  9. ^ "Castel del Monte, Castelli della Puglia, provincia di Barletta Andria Trani, pag. 1". www.mondimedievali.net. Miġbur 2021-08-29.
  10. ^ G. Cassinelli, "The roots of modern oncology: from discovery of new antitumor anthracyclines to their clinical use" Tumori 3:226-35.
  11. ^ Haft, Adele J.; White, Robert J. (1999), The Key to "The Name of the Rose", University of Michigan Press, ISBN 0-472-08621-9. p. 154.
  12. ^ "Castel del Monte (Apulia) | in-italia.com". www.in-italia.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-29. Miġbur 2021-08-29.
  13. ^ "WH Committee: Report of the 20th Session, Merida 1996". whc.unesco.org. Miġbur 2021-08-29.
  14. ^ "Morto il medioevalista Raffaele Licinio". www.lagazzettadelmezzogiorno.it. Miġbur 2021-08-29.
  15. ^ "Prontuario contro gli stereotipi e le interpretazioni fanta-esoteriche su Castello del Monte | Stupor Mundi". www.stupormundi.it. Miġbur 2021-08-29.
  16. ^ Redazione (2018-02-04). "Morto il prof. Raffaele Licinio, esperto di Castel del Monte e del medioevo -" (bit-Taljan). Miġbur 2021-08-29.
  17. ^ P. Saunders, Wine Label Language, p. 135, Firefly Books, 2004, ISBN 1-55297-720-X.