Assisi
Assisi | |||
---|---|---|---|
Italja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Italja | ||
Region of Italy | Umbria | ||
Provinċja tal-Italja | province of Perugia (en) | ||
Isem uffiċjali | Assisi | ||
Ismijiet oriġinali | Assisi | ||
Kodiċi postali |
06081 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 43°04′12″N 12°37′03″E / 43.07°N 12.6175°EKoordinati: 43°04′12″N 12°37′03″E / 43.07°N 12.6175°E | ||
Superfiċjenti | 187.19 kilometru kwadru | ||
Għoli | 424 m | ||
Fruntieri ma' | Bastia Umbra (en) , Cannara (en) , Perugia, Valfabbrica (en) , Bettona (en) , Nocera Umbra (en) , Spello (en) , Valtopina (en) u Gualdo Tadino (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 27,605 abitanti (1 Jannar 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
075 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Betlem, Santiago de Compostela, San Francisco, Wadowice (en) , Monte Sant'Angelo (en) , Ripacandida (en) u Bari | ||
comune.assisi.pg.it |
Assisi ([asˈsiːzi][1]; mil-Latin: Asisium) hija belt u komun tal-Italja fil-Provinċja ta' Perugia fir-Reġjun tal-Umbria, fuq in-naħa tal-Majjistral ta' Monte Subasio, b'popolazzjoni ta' 28,391 ruħ.[2]
B'mod ġenerali titqies bħala l-post fejn twieled il-poeta Latin Properzju, li twieled lejn l-50-45 Q.K. Hija l-post fejn twieled San Franġisk, patrun tal-Italja li stabbilixxa l-ordni reliġjuża Franġiskana fl-1208, u fejn twieldet Santa Klara (Chiara d'Offreducci), il-fundatriċi tal-Ordni tas-Sorijiet Klarissi li ffurmaw wara mewta. Fis-seklu 19, f'Assisi twieled ukoll San Gabriel tad-Duluri/tal-Addolorata (Francesco Possenti).
Ġeografija fiżika
[immodifika | immodifika s-sors]Territorju
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Assisi tinsab fuq in-naħa tal-Majjistral ta' Monte Subasio, f'altitudni ħarira ogħla mill-kumplament tal-widien fit-Tramuntana tal-Umbria, u qiegħda xi 26 kilometru fix-Xlokk minn Perugia.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]It-territorju tal-komun ta' Assisi fih partijiet bil-pjanura, partijiet bl-għoljiet u partijiet muntanjużi għalkemm mhux daqshekk għoljin. Il-belt, bis-saħħa tal-pożizzjoni fejn tinsab fuq għolja li tħares fuq il-widien kbar tal-Umbria, tgawdi klima pjaċevoli, imma ta' tranżizzjoni bejn iż-żona tal-pjanura fil-Punent u ż-żona iktar muntanjuża fil-Lvant. Is-sjuf ikunu sħan, iżda mhux b'wisq riħ isfel, u x-xtiewi inġenerali ma jkunux wisq kiefra. Madankollu, karatteristika tax-xitwa hija li l-kesħa kultant tinħass iktar ixxoqq l-għadam, minħabba r-riħ kiesaħ tat-Tramuntana li jonfoħ miż-żona muntanjuża ta' Monte Subasio. Xi darba jew darbtejn fis-sena tagħmel il-borra, iżda minħabba l-pożizzjoni kennija tal-belt, ma tantx tinżel bi kwantitajiet kbar. Fir-rebbiegħa u fil-ħarifa tinżel il-biċċa l-kbira tax-xita li tinżel matul is-sena.
Iż-żoni tat-territorju tal-komun qrib il-pjanura, min-naħa l-oħra, ikollhom klima bi sjuf ftit iktar sħan meta mqabbla mal-belt, u xi drabi x-xemx tinħass taħraq sew minħabba li jkun hemm iktar umdità, filwaqt li fil-ħarifa u fix-xitwa meta jinzerta bnazzi, spiss jifforma ċ-ċpar li ġieli jdum il-ġurnata kollha.
Fix-xitwa, ikun hemm il-ġlata kemm fil-belt, kif ukoll fil-widien tal-madwar, b'temperaturi li mal-lejl jinżlu sew taħt iż-żero gradi. It-territorju fit-Tramuntana tal-belt, lejn l-inħawi tal-komuni ta' Nocera Umbra, Gualdo Tadino u Valfabbrica, fih għoljiet u żoni muntanjużi baxxi, u għalhekk il-klima tkun simili għal dik tal-muntanji, bi sjuf mhux wisq sħan u li s-soltu jkunu biż-żiffa, filwaqt li x-xtiewi kultant ikunu kesħin ferm b'ħafna borra meta r-riħ mill-Grigal ikun jaqbel.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Mit-twaqqif sal-invażjoni tal-Barbari
[immodifika | immodifika s-sors]L-iktar fdalijiet antiki li nstabu f'Assisi jmorru lura għal żmien in-Neolitiċi.
Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu jindikaw li Assisi oriġinat minn villaġġ żgħir li kienu jgħixu fih l-Umbri fis-sekli IX-VIII Q.K. Mill-fdalijiet ħareġ ċar li l-Umbri kellhom relazzjonijiet kummerċjali importanti mal-Etruski li kienu jgħixu fil-qrib, fix-xatt tal-Punent tax-xmara Tevere, minkejja li kellhom lingwa u kultura differenti għalkollox.
Fis-sena 295 Q.K., fil-battalja ta' Sentino, ir-Rumani imponew id-dominju tagħhom b'mod definittiv anke fl-Italja Ċentrali. Il-belt ingħatat l-isem ta' Asisium u ġiet imsebbħa b'diversi monumenti mill-bidu tat-tieni seklu Q.K. Fis-sena 89 Q.K. saret municipium u kienet ċentru ekonomiku u soċjali importanti tal-Imperu Ruman. L-isem għandu oriġini ta' qabel żmien il-Latini, u għalkemm l-etimoloġija mhix ċerta, jiġi interpretat b'żewġ modi. Jew Belt il-bies jew Belt l-astun, jew inkella mil-latin ossa jiġifieri torrent jew ħamla b'referenza ċara għax-xmara Assino. Matul is-seklu III, bis-saħħa ta' għemil San Rufino, isqof u martri, jibda jinxtered il-Kristjaneżmu.
Bil-waqgħa tal-Imperu Ruman, Assisi wkoll għaddiet miż-żminijiet kiebja tal-invażjonijiet tal-Barbari, u fis-sena 545, il-Goti ta' Totila serqulha ħafna mir-rikkezzi tagħha. Ftit wara nħakmet mill-Biżantini, imbagħad ftit wara fis-sena 568 għaddiet taħt id-dominju tal-Longobardi u ġiet annessa mad-Dukat ta' Spoleto sal-bidu tas-seklu XII.
Mill-epoka komunali sar-Rinaxximent
[immodifika | immodifika s-sors]Wara perjodu ta' gwerer, fl-1174 Assisi għaddiet minn assedju u nħakmet minn Federico Barbarossa, li ta r-riedni tal-belt lid-Duka Konrad ta' Lützen, magħruf ukoll bħala Konrad ta' Urslingen. Assisi ingħatat dimensjoni imperjali, iżda diversi rvelli tal-popolin fl-1198 wasslu malajr għall-epoka komunali, wara perjodu ta' kunflitti interni u gwerer mal-belt ta' Perugia. Bejn l-1181 u l-1182, f'Assisi jitwieled Franġisk – iben Pietro di Bernardone u Pica de Bourlemont – li sar qaddis magħruf mad-dinja kollha.
Fl-1198 il-poplu ta' Assisi, xeba' jissaporti l-prepotenzi tad-Duka ta' Lützen, u rribella kontrih u sakemm ġie mkeċċi. Lejn l-aħħar tal-ewwel nofs tas-seklu 13, il-belt ta' Assisi taħt il-Gwelfi għaddiet minn għadd ta' assedji min-naħa tat-truppi tas-Saraċini u tat-Tartari li kienu jagħmlu parti mill-eżerċtu kbir ta' Federiku II. It-truppi imperjali qerdu kemm-il darba l-kontea tal-madwar, iżda l-belt bis-saħħa tal-milizji tagħha u l-kariżma ta' Santa Klara rnexxielha tirreżisti. Fis-snin ta' wara, Assisi għaddiet minn taħt ir-riedni tal-Gwelfi u tal-Gibellini. Imbagħad il-belt għaddiet taħt id-dominju tal-Knisja, ta' Perugia, ta' Gian Galeazzo Visconti, tal-familja Montefeltro, ta' Braccio Fortebraccio da Montone, sad-dominju ta' Francesco Sforza.
F'Novembru 1442, Assisi taħt id-difiża ta' Alessandro Sforza, għaddiet mill-assedju min-naħa tat-truppi kkmandati minn Piccinino. Wara ħafna jiem li fihom it-truppi tal-assedju ma rnexxielhomx jgħaddu lil hinn mis-swar madwar il-belt, bis-saħħa tal-għajnuna ta' qassis traditur, fl-aħħar irnexxielhom jaslu sal-qalba tal-belt. Assisi ġiet devastata bil-kbir u serqulha diversi rikkezzi, iżda Piccinino kien kontra r-rieda ta' dawk li riedu jeqirdu il-belt għalkollox u rrifjuta 15,000 fjorin li offrewlu minn Perugia.[3] Il-fazzjonijiet marbuta mal-familji Nepis u Fiumi baqgħu jitqabdu sas-seklu XVI sa meta l-Umbria għaddiet taħt it-tmexxija tal-Papa Pawlu III u l-belt ta' Assisi gawdiet perjodu ta' paċi u ta' trankwillità.
Mill-epoka moderna sa dik kontemporanja
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-bidu tas-seklu XVII, bis-saħħa tat-twaqqif tal-akkademji u tal-istituzzjonijiet edukattivi, reġgħet qabdet ġmielha l-attività kulturali sa ma ġiet interrotta mill-perjodu tal-gwerer ta' Napuljun fl-1799, meta t-truppi Franċiżi mmexxija minn Napuljun Bonaparte serqu diversi opri tal-arti mill-belt.
Fl-1860, b'unanimità, saret tifforma parti mill-Istat Taljan. L-unifikazzjoni wasslet biex il-belt kulma jmur tinfetaħ iktar, bis-saħħa wkoll tal-kostruzzjoni tal-linji tal-ferrovija. Permezz tas-sejbien mill-ġdid tal-katavri ta' San Franġisk fl-1818 u ta' Santa Klara fl-1850, Assisi saret destinazzjoni ewlenija tal-pellegrinaġġi, u t-turiżmu reliġjuż għen biex l-ekonomija lokali tqum fuq saqajha u tikber.
Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, wara t-8 ta' Settembru 1943 u l-perjodu tal-okkupazzjoni tal-Ġermaniżi, Assisi ġiet miżgħuda bir-refuġjati, u fosthom kien hemm madwar 300 li kienu Lhud. L-isqof monsinjur Giuseppe Placido Nicolini – bl-għajnuna tas-segretarju tiegħu, don Aldo Brunacci, u tal-gwardjan tal-Kunvent ta' San Damjan, il-patri Rufino Niccacci – ittrasforma l-belt ta' Assisi f'wieħed miċ-ċentri ewlenin tar-reżistenza ċivili Taljana kontra l-Olokawst. Il-Lhud, libsin taparsi ta' qassisin u sorijiet, moħbija taħt l-art u fil-kantini, jew qalb ir-refuġjati, b'dokumenti ffalsifikati, jirnexxielhom jibqgħu refuġjati f'Assisi, bis-saħħa tas-solidarjetà kbira mhux biss tal-belt iżda tar-reġjun kollu tal-Umbria.
Fost ir-refuġjati kien hemm nisa, tfal, anzjani u morda li kollha kienu jeħtieġu l-indukrar u l-għajnuna għall-bżonnijiet bażiċi ta' kuljum. Giet organizzata saħansitra skola fejn it-tfal Lhud setgħu jitgħallmu r-reliġjon tagħhom. Bis-saħħa tal-kompliċità tal-kurunell Ġermaniż Valentin Müller, li ddikjara li l-belt ta' Assisi kienet żona franka ta' sptar, l-ebda wieħed mil-Lhud ma ġie ddeportat.[4]
L-isqof Giuseppe Placido Nicolini, don Aldo Brunacci u l-patri Rufino Niccacci, wara l-gwerra ngħataw ġieħ bl-unuri bħala ġusti fost in-nazzjonijiet mill-Istitut Yad Vashem ta' Ġerusalemm, flimkien ma' Luigi u Trento Brizi li fiċ-ċokon tal-ħanut tat-tifkiriet turistiċi tagħhom ħdejn Pjazza Santa Klara, għenu fl-istampar ta' ħafna dokumenti tal-identità ffalsifikati.[5] Fl-1985 il film Assisi Underground ta' Alexander Ramati jirrakkonta l-ġrajjiet u l-protagonisti ta' dak iż-żmien. Fl-2004, Assisi ngħatat il-Medalja tad-Deheb ta' Valur Ċivili għall-impenn ċivili li kienet uriet il-popolazzjoni kollha. Il-belt ta' Assisi hija ġemellata ma' Bethlehem, Santiago de Compostela, Wadowice u San Francisco.[6]
Is-27 ta' Ottobru 1987, fuq stedina tal-Papa Ġwanni Pawlu II, ir-rappreżentanti prinċipali tar-reliġjonijiet fid-dinja ltaqgħu f'Assisi biex jitolbu f'isem San Franġisk, profeta tal-paċi kif kien iddefinih il-Papa stess.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-sena 2000 il-belt ta' Assisi, il-Bażilika Papali ta' San Franġisk, dik ta' Santa Marija tal-Anġli u siti Franġiskani oħra madwar il-belt, imxerrdin ma' kważi t-territorju kollu tal-komun, ġew iddikjarati bħala Sit ta' Wirt Dinji mill-UNESCO.[7]
Il-belt ta' Assisi tqieset li għandha valur universali straordinarju peress li kienet punt ta' riferiment fundamentali għall-iżvilupp tal-arti u tal-arkitettura Taljana u Ewropea. Dan bis-saħħa l-iktar tal-assoċjazzjoni tagħha max-xogħlijiet tal-artisti Medjevali l-kbar u l-kapulavuri tagħhom fosthom dawk ta' Cimabue, Pietro Lorenzetti, Simone Martini u Giotto.
L-iskrizzjoni tal-belt fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO saret abbażi ta' saħansitra ħames kriterji tal-għażla li huma: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Canepari, Luciano (2009). Il DiPI – Dizionario di pronuncia italiana (bit-Taljan). Assisi: Zanichelli. ISBN 978-88-08-10511-0.
- ^ "Dati ISTAT" (bit-Taljan). Istitut Nazzjonali Taljan tal-Istatistika. 2019. Miġbur 2021-02-13.
- ^ Arnaldo Fortini ASSISI NEL MEDIOEVO (Società internazionale degli studi francescani Edizioni Roma anno XVIII).
- ^ Joseph Raischl u André Cirino, Three Heroes of Assisi in World War II: Bishop Giuseppe Nicolini, Colonel Valentin Müller, Don Aldo Brunacci (Minerva, Assisi).
- ^ Israel Gutman, Bracha Rivlin u Liliana Picciotto, I giusti d'Italia: i non ebrei che salvarono gli ebrei, 1943-45 (Mondadori: Milano 2006).
- ^ "Documento Unico di Programmazione 2016-2021 – DUP" (PDF). comune.assisi.pg.it (bit-Taljan). Assisi. pp. 63, 78. Miġbur 2021-02-13.
- ^ "Assisi, the Basilica of San Francesco and Other Franciscan Sites" (bl-Ingliż). UNESCO. Miġbur 2021-01-13.