Ħarsa ġenerali
- Rwol: Tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE billi tipproponi u tinforza l-leġiżlazzjoni kif ukoll billi timplimenta l-politiki u l-baġit tal-UE
- Membri: Tim jew "Kulleġġ" ta' Kummissarji, wieħed minn kull pajjiż tal-UE
- President: Ursula von der Leyen
- Stabbilita fis-sena: 1958
- Post: Brussell (il-Belġju)
- Sit web: Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea hi l-fergħa eżekuttiva politikament indipendenti tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea hi l-unika responsabbli biex tfassal il-proposti għal leġiżlazzjoni Ewropea ġdida, u timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE.
X’tagħmel il-Kummissjoni?
Tipproponi liġijiet ġdida
Il-Kummissjoni hi l-unika istituzzjoni tal-UE li tressaq liġijiet għall-adozzjoni mill-Parlament u l-Kunsill:
- tħares l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tagħha dwar kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu riżolti b’mod effettiv fuq livell nazzjonali
- tikseb id-dettalji tekniċi t-tajbin billi tikkonsulta mal-esperti u mal-pubbliku
Timmaniġġja l-politiki tal-UE u talloka finanzjament mill-UE
- tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ nfiq tal-UE, flimkien mal-Kunsill u l-Parlament
- tfassal il-baġits annwali għall-approvazzjoni mill-Parlament u l-Kunsill
- tissorvelja kif jintefqu l-flus, taħt skrutinju mill-Qorti tal-Awdituri
Tinforza l-liġijiet tal-UE
- flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, hi tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata kif suppost fil-pajjiżi membri kollha
Tirrappreżenta l-UE internazzjonalment
- titkellem għan-nom tal-pajjiżi kollha tal-UE f’korpi internazzjonali, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politika tal-kummerċ u tal-għajnuna umanitarja
- tinnegozja ftehimiet internazzjonali għall-UE
Kompożizzjoni
It-tmexxija politika hi pprovduta minn tim ta' 27 Kummissarju (wieħed minn kull pajjiż tal-UE) – immexxija mill-President tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi min hu responsabbli għal liema qasam politiku.
Il-Kulleġġ tal-Kummissarji hu magħmul mill-President tal-Kummissjoni, it-tmien Viċi Presidenti tiegħu, inklużi tliet Viċi Presidenti Eżekuttivi, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u 18-il Kummissarju, kull wieħed responsabbli minn portafoll.
It-tmexxija ta' kuljum tal-ħidma tal-Kummissjoni ssir mill-istaff tagħha (avukati, ekonomisti, eċċ.), organizzat f'servizzi magħrufa bħala Direttorati Ġenerali (DĠ), b'kull wieħed responsabbli għal qasam politiku speċifiku.
Ħatra tal-President
Il-kandidat jitressaq mill-mexxejja nazzjonali fil-Kunsill Ewropew, billi jitqiesu r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-president ikun jeħtieġ l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew biex jiġi elett.
Għażla tat-tim
Il-kandidat Presidenzjali jagħżel il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji potenzjali abbażi ta' suġġerimenti mill-pajjiżi tal-UE. Il-lista tal-kandidati trid tiġi approvata mill-mexxejja nazzjonali fil-Kunsill Ewropew.
Kull persuna nominata tidher quddiem il-Parlament Ewropew biex tispjega l-viżjoni tagħha u twieġeb il-mistoqsijiet. Imbagħad il-Parlament jivvota dwar jekk jaċċettax lin-nominati bħala tim. Fl-aħħar nett, huma jinħatru mill-Kunsill Ewropew, b’maġġoranza kwalifikata.
Il-mandat tal-Kummissjoni attwali jispiċċa fil-31 ta’ Ottubru 2024.
Kif taħdem il-Kummissjoni?
Ippjanar strateġiku
Il-President jiddefinixxi d-direzzjoni politika għall-Kummissjoni, li tippermetti lill-Kummissarji jiddeċiedu flimkien l-objettivi strateġiċi, u jipproduċu l-programm ta' ħidma annwali.
Teħid ta’ deċiżjonijiet kollettivi
Id-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta' responsabbiltà kollettiva. Il-Kummissarji kollha huma ugwali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u għandhom l-istess responsabbiltà għal dawn id-deċiżjonijiet. Huma ma għandhom ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet individwali, ħlief meta jkunu awtorizzati f’ċerti sitwazzjonijiet.
Il-Viċi Presidenti jaġixxu għan-nom tal-President u jikkoordinaw ix-xogħol fil-qasam ta' responsabbiltà tagħhom, flimkien ma’ diversi Kummissarji. Il-proġetti ta' prijorità huma ddefiniti biex jgħinu jiżguraw li l-Kulleġġ jaħdem flimkien b'mod viċin u flessibbli.
Il-Kummissarji jappoġġjaw lill-Viċi Presidenti għas-sottomissjoni ta’ proposti lill-Kulleġġ. B’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, iżda jista' jkun hemm ukoll vot. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, fejn kull Kummissarju għandu vot wieħed.
Id-Direttorat Ġenerali rilevanti (immexxi minn Direttur Ġenerali, li jwieġeb għall-Kummissarju rilevanti) imbagħad jittratta mas-suġġett. Normalment dan is-sir fil-forma ta' abbozz ta' proposti leġiżlattivi.
Dawn imbagħad huma sottomessi mill-ġdid lill-Kummissarji għall-adozzjoni fil-laqgħa tagħhom ta’ kull ġimgħa, isiru uffiċjali, u jintbagħtu lill-Kunsill u l-Parlament għall-istadju li jmiss fil-proċess leġiżlattiv tal-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea u int
Agħti input
Jekk tixtieq tagħtina l-opinjonijiet tiegħek dwar il-politiki tal-UE jew tissuġġerixxi tibdil jew politiki ġodda, għandek diversi għażliet:
- wieġeb konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar kwistjoni li tikkonċernak
- niedi Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
- ressaq ilment formali jekk taħseb li l-liġi tal-UE mhix qed tiġi applikata sew fil-każ tiegħek.
Ikseb informazzjoni
Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll servizzi ta' parir u ta' informazzjoni biex tgħinek bin-negozju, l-istudju, l-affarijiet legali, u biex tiċċaqlaq u taħdem fl-UE.
Ikkuntattjana
Għal mistoqsijiet li għandek dwar ħidmietna:
- ikkuntattja lill-istaff tal-Kummissjoni (fi Brussell, eċċ.)
- ikkuntattja uffiċċju lokali tal-Kummissjoni f'pajjiżek.
Aċċess għad-dokumenti
Kalendarju tal-President tal-Kummissjoni
Aktar Informazzjoni
Librerija tal-Kummissjoni Ewropea u Ċentru tar-Riżorsi Elettroniċi (Find-eR)
Kuntatt
European Commission
- Isem
- European Commission
- Sit web
- https://commission.europa.eu/index_mt
- Numru tat-telefown
- +32 2 299 11 11
- Indirizz postali
Rue de la Loi / Wetstraat 200
1049 Bruxelles/Brussel
Belgium- Media soċjali