Soċjetà verament inklużiva tagħti s-setgħa u tuża l-potenzjal ta’ kulħadd. Hu għalhekk li l-Kummissjoni poġġiet l-ugwaljanza fil-qalba tal-aġenda tagħha, filwaqt li stinkat biex tibni Unjoni ta’ Ugwaljanza fejn in-nies kollha jistgħu jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni.
Fl-2020 u l-2021, il-Kummissjoni adottat ħames strateġiji biex toħloq il-kundizzjonijiet biex kulħadd jgħix, jirnexxi u jmexxi irrispettivament mid-differenzi bbażati fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
- L-istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025
- L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025
- L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030
- Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra r-Razziżmu 2020-2025
- Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni 2020-2030
Id-dritt li tkun min int
Fl-UE, id-diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni (bħas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali) hi pprojbita mil-liġi. Iżda għal ħafna nies, din għadha realtà ta’ kuljum.
Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni jiġu rispettati, il-Kummissjoni kontinwament tipproponi politiki u inizjattivi ġodda, li jiffukaw fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-inklużjoni.
L-UE qed tistinka biex tkun kontinent fejn kulħadd jista’ jagħżel liema triq irid fil-ħajja, ħieles mill-vjolenza u l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneru.
- 70.2 punt(minn 100) milħuqa mill-UE fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2023
- 33%tal-membri tal-parlamenti nazzjonali tal-UE huma nisa
- 10,7%hi d-differenza ġenerali bejn il-ġeneri fl-impjiegi
Dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-pajjiżi tal-UE għamlu progress sinifikanti, inkluż billi ressqu leġiżlazzjoni komuni u integraw il-perspettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’oqsma ta’ politika differenti.
Madankollu, il-pajjiżi tal-UE għadhom ’il bogħod milli jilħqu ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri u l-progress miexi bil-mod. Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha mifruxa. Fis-suq tax-xogħol, in-nisa huma rappreżentati żżejjed f’setturi b’pagi aktar baxxi, u huma sottorappreżentati f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Bħala medja, xorta jaqilgħu kważi 13% anqas mill-irġiel fis-siegħa. Ir-riċerka turi li n-nisa ġeneralment iwettqu wkoll aktar xogħol tad-dar mill-irġiel. L-istereotipi tal-ġeneri, li jaffettwaw kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel, huma kawża ewlenija ta’ dawn id-disparitajiet.
Biex tindirizza l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li jippersistu sal-lum, fl-2020 il-Kummissjoni nediet l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.
Azzjonijiet għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri
L-Unjoni Ewropea tinsab fuq quddiem nett fil-protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, trans, intersesswali u queer (LGBTIQ).
- 23 pajjiż tal-UEgħandhom leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza dwar l-orjentazzjoni sesswali li tmur lil hinn mill-impjieg
- Aktar minn 100+ inizjattivaffinanzjati mill-UE biex jappoġġjaw lill-persuni LGBTIQ
Sorsi: Mappa qawsalla, rapport ta’ progress dwar l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025
Minkejja l-isforzi tagħna biex nippermettu lil kulħadd ikun min hu u jħobb lil min irid, il-persuni LGBTIQ spiss jiġu diskriminati. Stħarriġ imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2019 wera li d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali qed tiżdied. L-istess stħarriġ sab li tnejn minn kull ħames persuni LGBTIQ intervistati esperjenzaw fastidju minħabba li huma LGBTIQ.
Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni adottat l-istrateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025, li tindirizza l-inugwaljanzi u l-isfidi li jaffettwaw lill-persuni LGBTIQ u tistabbilixxi politiki mmirati.
Aħna “magħqudin fid-diversità” f’kontinent li fih ħafna kulturi, tradizzjonijiet u lingwi differenti.
Iżda biex l-UE tissodisfa l-motto tagħha u tissodisfa t-tifsira tiegħu, jeħtieġ li kontinwament niġġieldu r-razziżmu u l-movimenti ksenofobiċi, inklużi l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-mibegħda kontra l-Musulmani.
L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) wettqet firxa ta’ stħarriġiet li juru livelli għoljin ta’ diskriminazzjoni fl-UE.
Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni Kontra r-Razziżmu 2020-2025. Fost objettivi oħrajn, il-pjan
- jintroduċi miżuri u programmi ta’ finanzjament għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-akkomodazzjoni;
- jippromwovi sensiela ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-istereotipi razzjali u etniċi mal-media, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti ta’ persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju;
- iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jevitaw jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi marbutin mad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.
Pjan ta’ Azzjoni Kontra r-Razziżmu 2020-2025
Aktar inklużjoni għall-persuni b’diżabbiltà
Sors: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021–2030 (stħarriġ imwettaq fost il-persuni b’diżabbiltà)
Minkejja l-progress li sar s’issa, il-persuni b’diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw ostakli konsiderevoli fis-soċjetà tagħna. L-istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030 għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà u tiżgura li dawn ikunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.
Taħt l-istrateġija, fl-2022 ġie adottat Pakkett dwar l-Impjiegi għal Persuni b’Diżabbiltà. Peress li fl-UE huma impjegati biss nofs tat-42.8 miljun persuna b’diżabbiltà fl-età tax-xogħol, inizjattivi bħal dawn qed jipprovdu gwida lill-impjegaturi u lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jgħinu lil aktar persuni b’diżabbiltà jaċċessaw is-suq tax-xogħol.
F’dawn l-aħħar snin, ġew adottati wkoll diversi regoli tal-UE biex l-UE ssir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, inklużi:
- l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li jkopri l-prodotti u s-servizzi
- u d-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web
Inizjattivi oħrajn jinkludu
- il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal persuni b’diżabilità
- rakkomandazzjonijiet dwar akkomodazzjoni aċċessibbli u appoġġjata għall-persuni b’diżabbiltà
- il-qafas għas-servizzi soċjali ta’ eċċellenza għall-persuni b’diżabbiltà (mistenni fl-2024)
Strateġija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030
Ir-Rom huma l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa. Minn 10 sa12-il miljun, hu stmat li 6 miljuni huma ċittadini jew residenti tal-UE.
Għalkemm hemm projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fl-UE, ħafna Rom għadhom vittmi ta’ preġudizzju u esklużjoni soċjali.
Fl-2020, il-Kummissjoni nediet pjan ta’ 10 snin biex tappoġġja l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunità tar-Rom fl-UE, fejn stabbilixxiet il-miri tagħha għall-2030, inkluż:
- it-tnaqqis tal-proporzjon ta’ Rom b’esperjenza ta’ diskriminazzjoni b’mill-anqas nofs
- it-tnaqqis tal-ispariġġ tal-faqar bejn ir-Rom u l-popolazzjoni ġenerali b’mill-anqas nofs
- it-tnaqqis tal-proporzjon ta’ tfal Rom li jattendu skejjel primarji segregati b’mill-anqas nofs fl-Istati Membri b’popolazzjoni sinifikanti tar-Rom
- it-tnaqqis tad-distakk fl-istennija tal-għomor b’mill-anqas nofs
It-Task Force għall-ugwaljanza
Il-ħames strateġiji kollha tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza jikkombinaw miżuri mmirati (bħal leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza jew attivitajiet dedikati ta’ sensibilizzazzjoni) u sforzi biex l-ugwaljanza tiġi integrata f’oqsma oħrajn ta’ politika.
Biex tgħin tintegra l-ugwaljanza fl-oqsma kollha ta’ politika, il-Kummissjoni ħolqot task force apposta.