Mur għall-kontenut ewlieni

Finanzjament skont il-mod ta’ ġestjoni

Il-finanzjament tal-UE hu mmaniġġjat mill-Kummissjoni, b’mod konġunt mal-Istati Membri, jew permezz tas-sħab ta’ implimentazzjoni. Il-mod ta’ ġestjoni jiddetermina l-proċedura għall-applikazzjonijiet u kif dawn jiġu evalwati.

Tliet tipi ta’ ġestjoni

Il-programmi kollha ffinanzjati mill-baġit tal-UE jaqgħu taħt wieħed mit-tliet tipi ta’ modi ta’ implimentazzjoni skont in-natura tal-finanzjament ikkonċernat:

  • il-ġestjoni diretta: il-finanzjament tal-UE hu mmaniġġjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea
  • il-ġestjoni kondiviża: il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali jimmaniġġjaw il-finanzjament b’mod konġunt
  • il-ġestjoni indiretta: il-finanzjament hu mmaniġġjat minn organizzazzjonijiet sħab jew awtoritajiet oħrajn ġewwa jew barra l-UE

Għalhekk, filwaqt li l-UE tipprovdi l-finanzjament għal programm jew proġett speċifiku, mhix dejjem involuta direttament fil-ġestjoni ta’ kuljum. Madankollu, filwaqt li l-Istati Membri huma inkarigati mill-implimentazzjoni tal-maġġoranza tal-baġit tal-UE, hi l-Kummissjoni li għandha r-responsabbiltà aħħarija għall-eżekuzzjoni tiegħu.

Konsegwentement, il-Kummissjoni twettaq kontrolli rigorużi u effettivi dwar kif jintefqu l-fondi tal-UE. Il-proċedura tvarja skont kif jiġi implimentat il-programm.

Biex jirċievi finanzjament għall-proġett, l-applikant jeħtieġ jidentifika sejħa rilevanti għall-proposti/proġett u jsegwi bir-reqqa l-linji gwida speċifiċi dwar kif japplika – kull sejħa hi unika. Il-proġett se jikkompeti għall-finanzjament ma’ dawk sottomessi minn applikanti oħrajn għal dik is-sejħa.

Ġestjoni diretta

Fil-ġestjoni diretta, il-Kummissjoni Ewropea hi direttament responsabbli għall-passi kollha fl-implimentazzjoni ta’ programm:

  • it-tnedija tas-sejħiet għall-proposti
  • l-evalwazzjoni tal-proposti sottomessi
  • l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotja
  • il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġett
  • il-valutazzjoni tar-riżultati
  • l-għoti tal-pagamenti

Dawn il-kompiti jitwettqu mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fil-kwartieri ġenerali tagħha, fid-delegazzjonijiet tal-UE jew permezz tal-aġenziji eżekuttivi tal-UE; m’hemm ebda parti terza. Il-programmi implimentati b’ġestjoni diretta jammontaw għal madwar 20% tal-baġit tal-UE 2021-2027.

Eżempju ta’ programm immexxi direttament mill-Kummissjoni hu l-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (COSME), fejn l-objettiv ewlieni hu li jappoġġja l-ħolqien u l-espansjoni tal-SMEs. Jekk applikant ikun imprenditur, li qed ifittex appoġġ finanzjarju mill-UE, id-dipartiment ta’ kuntatt u ta’ ġestjoni mbagħad ikun l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs, li tmexxi l-COSME.

Is-sejħiet għal proposti taħt ġestjoni diretta jiġu ppubblikati fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti (SEDIA)

Parti kbira mill-fondi min-NextGenerationEU, l-istrument temporanju ta’ rkupru, se jiġu implimentati wkoll fil-modalità ta’ ġestjoni diretta, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) – li se tagħmel €723.8 biljun f’self u għotjiet disponibbli biex jappoġġjaw ir-riformi u l-investimenti mwettqin mill-Istati Membri.

Minħabba n-natura eċċezzjonali tagħha, l-implimentazzjoni tal-RRF se ssegwi proċeduri speċifiċi. Il-fondi se jiġu żborżati direttament lill-Istati Membri abbażi tal-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

Il-pjanijiet għandhom jindirizzaw l-isfidi li ġew identifikati fis-Semestru Ewropew b’mod effettiv, partikolarment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li ġew adottati mill-Kunsill. Il-pjanijiet għandhom jinkludu wkoll miżuri li jindirizzaw u jaħsdu l-benefiċċji tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Għall-implimentazzjoni tal-RRF mill-Istati Membri jekk jogħġbok ara l-paġna tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

Ġestjoni kondiviża

Fil-ġestjoni kondiviża, kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri, bħall-ministeri u l-istituzzjonijiet pubbliċi, huma responsabbli mit-tmexxija ta’ programm partikolari. Madwar 70% tal-programmi tal-UE huma mmexxija b’dan il-mod.

Pereżempju, jekk int bidwi fi kwalunkwe post fl-UE, u jkollok proġett biex tibda tkabbar it-tadam organiku, tkun eliġibbli biex tapplika għall-fondi taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Għal dan, ikollok tgħaddi mill-Ministeru tal-Agrikoltura ta’ pajjiżek, jew istituzzjoni ekwivalenti, li tkun inkarigata mill-ġestjoni tal-fondi għall-proġett tiegħek f’isem l-UE.

L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri (fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali) jagħżlu liema proġetti jiffinanzjaw u jieħdu r-responsabbiltà għall-ġestjoni ta’ kuljum. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti jiġu konklużi b’suċċess, u li l-flus jintefqu tajjeb.

Esplora l-portali uniċi nazzjonali għall-fondi ta’ ġestjoni kondiviża

Kif taċċessa l-fondi reġjonali tal-UE

Awtoritajiet ta’ finanzjament reġjonali u nazzjonali

EuroAccess: għodda ta’ tfittxija online bla ħlas biex tappoġġja l-użu ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament eżistenti biex tittejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea u l-Makroreġjuni tagħha.

Fondi tal-Politika agrikola komuni

Programmi ta’ żvilupp rurali skont il-pajjiż

Sib sħab ta’ finanzjament fl-edukazzjoni

Opportunitajiet ta’ finanzjament għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

Fond Soċjali Ewropew: appoġġ f’pajjiżek

Fondi strutturali 2014-2020

Minħabba n-natura fit-tul tagħhom, l-implimentazzjoni ta’ xi proġetti tal-fondi strutturali tista’ testendi lil hinn mill-perjodu tal-baġit fit-tul. Għall-QFP 2014-20, l-Istati Membri xorta jistgħu jimpenjaw fondi sa tmiem l-2023. Għal ħarsa ġenerali lejn dawn il-fondi, ara l-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej 2014-2020.

Ġestjoni indiretta

Xi programmi ta’ finanzjament huma parzjalment jew kompletament implimentati bl-appoġġ ta’ entitajiet, eż. awtoritajiet nazzjonali jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-maġġoranza tal-baġit tal-UE allokat għall-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp internazzjonali, pereżempju, hu implimentat taħt ġestjoni indiretta.

Eżempji jinkludu l-appoġġ finanzjarju għall-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika u t-terremot fin-Nepal fl-2015. Il-programmi implimentati b’ġestjoni indiretta jammontaw għal madwar 10% tal-baġit tal-UE.

Taħt din il-modalità ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tiddelega kompiti ta’ eżekuzzjoni tal-baġit lil tipi differenti ta’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, pereżempju

Għal eżempji addizzjonali ta’ sħab ta’ implimentazzjoni taħt ġestjoni indiretta, ara Il-proċess tal-applikazzjoni

Punti ta’ kuntatt għall-Erasmus+