Aqbeż għall-kontentut

Park ta' Muskau

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Park ta' Muskau

Il-Park ta' Muskau (bil-Ġermaniż: Muskauer Park, uffiċjalment Fürst-Pückler-Park Bad Muskau; bil-Pollakk: Park Mużakowski) huwa park pajsaġġistiku fir-reġjun ta' Oberlausitz fil-Ġermanja u ta' Łużyce Górne fil-Polonja. Huwa l-ikbar ġnien Ingliż fl-Ewropa Ċentrali u wieħed mill-iktar ġonna Ingliżi famużi, li huwa estiż tul iż-żewġ naħat tal-fruntiera Ġermaniża-Pollakka tul ix-xmara Lausitzer Neiße / Nysa Łużycka. Il-park ġie mqassam mill-1815 'il quddiem skont l-ordnijiet tal-Prinċep Hermann von Pückler-Muskau (1785-1871), iċċentrat fuq ir-residenza tiegħu ta' Schloss Muskau (il-Kastell ta' Muskau).[1][2]

F'Lulju 2004, il-Park ta' Muskau tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Ħarsa ġenerali

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xmara fil-Park ta' Muskau

Il-park ikopri erja ta' 3.5 kilometri kwadri fil-Polonja u ta' 2.1 kilometri kwadri fil-Ġermanja. Il-park huwa estiż fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Lausitzer Neiße / Nysa Łużycka, li tikkostitwixxi l-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi. Iż-żona ta' lqugħ madwar il-park tinkludi r-raħal Ġermaniż ta' Bad Muskau fil-Punent u r-raħal Pollakk ta' Łęknica fil-Lvant, u għandha erja ta' 17.9-il kilometru kwadru. Filwaqt li l-Kastell ta' Muskau jinsab fil-Punent tax-xmara, il-qalba tal-park tinkludi ż-żoni għoljin tal-boskijiet fix-xatt tal-Lvant imsejħa "l-Park fuq l-Art Imtarrġa". Fl-2003 reġa' nbena pont pedonali minn naħa għall-oħra tax-xmara sabiex jerġgħu jingħaqdu ż-żewġ partijiet fiż-żewġ pajjiżi.[1][2]

Il-park sar ukoll wieħed mill-Monumenti Storiċi uffiċjali tal-Polonja (Pomnik Historii) mill-1 ta' Mejju 2004, u jiġi ssorveljat mill-Bord tal-Wirt Nazzjonali tal-Polonja.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Tabella tal-UNESCO bil-mappa tal-park

Fit-2 ta' Lulju 2004, l-UNESCO żiedet il-park fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tagħha, bħala "eżempju eżemplari ta' kollaborazzjoni kulturali transfruntiera bejn il-Polonja u l-Ġermanja".[3]

Il-valur universali straordinarju tal-Park ta' Muskau ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba l-park witta t-triq għall-iżvilupp arkitettoniku tal-pajsaġġ ideali magħmul mill-bniedem bħala dixxiplina u influwenzah; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba l-park kien pijunier ta' approċċi ġodda għad-disinn tal-pajsaġġ fil-bliet u influwenzahom ferm.[3]

Fortizza fuq ix-xmara Lausitzer Neiße/Nysa Łużycka f'Muskau ssemmiet għall-ewwel darba saħansitra fis-seklu 13 taħt it-tmexxija ta' Enriku III ta' Meissen. Il-fundatur tal-park biswit kien il-Prinċep Hermann von Pückler-Muskau (1785-1871), l-awtur tar-Rimarki influwenti dwar il-Ġardinaġġ tal-Pajsaġġ u sid ta' Muskau mill-1811. Wara studji fit-tul fl-Ingilterra, fl-1815 matul iż-żmien meta l-parti tal-Grigal tal-Lusazja ta' Fuq spiċċat f'idejn il-Prussja, huwa għamel il-Park. Iktar 'il quddiem, huwa stabbilixxa skola internazzjonali tal-immaniġġjar tal-pajsaġġ f'Bad Muskau u ddeskriva l-kostruzzjoni ta' park estensiv tal-pajsaġġ mad-dawra tal-belt "b'mod li ma qatt ma sar qabel fuq skala daqshekk kbira".[1][2]

Il-Kastell l-Antik

Ix-xogħlijiet kienu jinvolvu l-immudellar mill-ġdid tal-"Kastell Antik" Barokk - fil-fatt dak li qabel kien bieb tal-kastell - u l-kostruzzjoni ta' kappella Neo-Gotika, dar tal-kampanja Ingliża, diversi pontijiet, u għalqa bis-siġar tal-larinġ iddisinjata minn Friedrich Ludwig Persius. Pückler għamel rikostruzzjoni tal-fortizza Medjevali bħala l-"Kastell il-Ġdid", iċ-ċentru kompożizzjonali tal-park, b'network ta' mogħdijiet li joħorġu minnu u post ta' divertiment influwenzat mill-ideat ta' Humphry Repton, li ibnu John Adey ħadem f'Muskau mill-1822 'il quddiem. L-estensjonijiet baqgħu għaddejjin sal-1845, meta Pückler minħabba d-djun enormi tiegħu kien kostrett li jbigħ il-patrimonju. Is-sena ta' wara ġiet akkwistata mill-Prinċep Frederick tan-Netherlands, li impjega lil Eduard Petzold, dixxiplu ta' Pückler u ġardinar magħruf tal-pajsaġġ, biex jitlesta d-disinn tiegħu. Mal-mewt tiegħu fl-1881, wirtet kollox bintu l-Prinċipessa Marie tan-Netherlands, li biegħet il-park lill-familja Arnim.[1][2]

Il-Kastell il-Ġdid

Matul il-Battalja ta' Berlin, iż-żewġ kastelli u l-erba' pontijiet madwar in-Neisse ġew imwaqqa'. Il-Konti von Arnim-Muskau tneħħa mill-Amministrazzjoni Militari Sovjetika fil-Ġermanja u mill-implimentazzjoni tal-linja Oder-Neisse fl-1945, il-park ġie maqsum mill-fruntiera tal-istat bejn il-Polonja u l-Ġermanja, b'żewġ terzi tiegħu fuq in-naħa Pollakka. Kien fis-snin 60 tas-seklu 20 li l-awtoritajiet gradwalment aċċettaw il-legat tal-"Junker" Prinċep Pückler. Il-Kastell l-Antik inbena mill-ġdid mill-amministrazzjoni tal-Ġermanja tal-Lvant fl-1965-1972, filwaqt li l-Kastell il-Ġdid u l-pontijiet ġew irrestawrati iktar 'il quddiem. L-Englische Brücke ("il-Pont Ingliż") li jaqsam ix-xmara Neisse ġie msewwi u ġie inawgurat mill-ġdid fis-17 ta' Ottubru 2011, wara li kien twaqqa' bl-isplussivi fl-1945.[4][2]

Wara r-Rivoluzzjonijiet tal-1989, l-amministrazzjonijiet Ġermaniżi u Pollakki ngħaqdu fl-iżvilupp mill-ġdid tal-kumpless tal-park. Peress li l-Polonja daħlet fiż-Żona Schengen fl-2007, il-viżitaturi jistgħu liberament jesploraw iż-żewġ partijiet tal-park mingħajr kontrolli fil-fruntiera.[2]

  1. ^ a b ċ d "Muskauer Park" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-05-16.
  2. ^ a b ċ d e f ġ Parma, Christian (2018). Poland UNESCO World Heritage Sites (bl-Ingliż). Parma Press. pp. 142–149. ISBN 978-8377771556.
  3. ^ a b ċ "Muskauer Park / Park Mużakowski" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage. Miġbur 2021-05-16.
  4. ^ "BBSRWelterbe des Monats". archive.is. 2013-04-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-04-12. Miġbur 2021-05-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)