7.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 267/66 |
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2009 — Concord Power Nordal vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-317/09)
2009/C 267/120
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Concord Power Nordal GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. von Hammerstein, C.-S. Schweer u C. Wünschmann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-konvenuta CAB D (2009), tat-12 ta’ Ġunju 2009, sa fejn tikkonċerna l-proġett tal-bini tal-pipeline Ostseepipeline-Anbindungsleitung (iktar ’il quddiem l-“OPAL”); |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti, li hija responsabbli għall-proġett tal-pipeline NORDAL, tikkontesta ittra li l-Kummissjoni indirizzat lill-awtorità regolatorja Ġermaniża tal-enerġija, il-Bundesnetzagentur, fit-12 ta’ Ġunju 2009, li fiha l-Kummissjoni titlob lil din tal-aħħar sabiex tibdel ċerti aspetti tal-eżenzjoni mogħtija għall-OPAL skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55 (1). Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx l-oġġezzjoni tagħha kontra l-eżenzjoni mir-regoli mogħtija lil kapaċitajiet speċifiċi ta’ trasport tal-OPAL lejn ir-Repubblika Ċeka.
Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha.
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-OPAL ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/55 għaliex mhuwiex interkonnessjoni, ma jsaħħaħx il-kompetizzjoni u ma jtejjibx is-sigurtà tal-provvista, kif ukoll għaliex ir-riskju marbut mal-investiment mhuwiex barra min-normal u l-OPAL jikser il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-attivitajiet. F’dan ir-rigward, hija ssostni wkoll li l-eżenzjoni tippreġudika l-kompetizzjoni, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-funzjonament effettiv tas-sistema rregolata.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet li bihom hija marbuta l-eżenzjoni u li huma intiżi sabiex jipprevjenu l-preġudizzju għall-kompetizzjoni mhumiex adattati jew ma jistgħux jitwettqu.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 82 KE, ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha (jiġifieri l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt ta’ proprjetà), kif ukoll tal-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja.
(1) Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, p. 57)