7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/37


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Awissu 2009 minn A2A SpA, preċedentement ASM Brescia SpA, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża), tal-11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-189/03, ASM Brescia SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-318/09 P)

2009/C 267/68

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellanti: A2A SpA, preċedentement ASM Brescia SpA (rappreżentanti: A. Santa Maria, A. Giardina, C. Croff, G. Pizzonia, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza fil-Kawża T-189/03, minħabba ksur tad-dritt Komunitarju u b’mod partikolari tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, fil-parti li fiha tikkwalifika l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat;

tannulla s-sentenza minħabba applikazzjoni żbaljata u kontradittorja tad-dritt Komunitarju, fil-parti li fiha ma tikkwalifikax l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna eżistenti;

tannulla s-sentenza, minħabba ksur tad-dritt Komunitarju, fil-parti li fiha tikkonferma l-leġittimità tal-ordni tal-irkupru mogħtija mid-deċiżjoni; u konsegwentement,

tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni (1) fil-parti li fiha tafferma li hija għajnuna mill-Istat u inkompatibbli mas-suq komuni, is-sistema tranżitorja ta’ kontinwità fiskali għall-impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (Artikolu 2 tad-deċiżjoni), u/jew fil-parti li fiha timponi lill-Italja sabiex tirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand il-benefiċjarji (Artikolu 3 tad-deċiżjoni);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Bl-ewwel aggravju, A2A S.p.A tallega l-ksur tal-Artikolu 87(1) KE mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni, fil-parti li fiha s-sentenza tikkwalifika l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, skont l-appellanti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni, ma wrietx l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ tnejn mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma vverifikatx b’mod korrett ir-rekwiżiti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-kwalifikazzjoni ta’ “għajnuna”, kif kellha tagħmel għal stħarriġ “komplet” kif mitlub mill-ġurisprudenza Komunitarja.

Bit-tieni aggravju, sussidjarjament, l-appellanti tallega l-ksur tal-Artikolu 88 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza u, fl-istess ħin, titlob l-annullament tas-sentenza li fiha tikkwalifika l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala “għajnuna ġdida”. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi rrepetiet kelma b’kelma l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma ppermettietx li l-miżuri ta’ eżenzjoni mit-taxxa għal tliet snin lil impriżi tas-servizz pubbliku li saru kumpanniji b’kapital azzjonarju jiġu kkunsidrati bħala “għajnuna eżistenti”. Min-naħa l-oħra, kienet tintlaħaq konklużjoni differenti kieku kellu jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE, kienet tapplika għall-impriżi tas-servizz pubbliku li, kif tammetti l-istess Kummissjoni, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika bħall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90.

Fl-aħħar nett, A2A, bit-tielet aggravju tagħha, u iktar sussidjarjament, titlob l-annullament tas-sentenza, minħabba ksur tad-dritt Komunitarju u tal-prinċipji inklużi fih, fil-parti li fiha tikkonferma l-leġittimità tal-ordni tal-irkupru mogħtija bid-deċiżjoni. Skont l-appellanti, is-sentenza għandha tiġi annullata inkwantu, kuntrarjament għas-sentenzi preċedenti tal-qorti Komunitarja, tappoġġja l-leġittimità tan-natura ġenerika tad-deċiżjoni u sostanzjalment tafferma li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom nuqqas totali ta’ diskrezzjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21).