This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CN0318
Case C-318/09 P: Appeal brought on 11 August 2009 by A2A SpA, formerly ASM Brescia SpA, against the judgment of the Court of First Instance (Eighth Chamber, Extended Composition) delivered on 11 June 2009 in Case T-189/03 ASM Brescia SpA v Commission of the European Communities
Kawża C-318/09 P: Appell ippreżentat fil- 11 ta’ Awissu 2009 minn A2A SpA, preċedentement ASM Brescia SpA, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża), tal- 11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-189/03, ASM Brescia SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Kawża C-318/09 P: Appell ippreżentat fil- 11 ta’ Awissu 2009 minn A2A SpA, preċedentement ASM Brescia SpA, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża), tal- 11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-189/03, ASM Brescia SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
ĠU C 267, 7.11.2009, p. 37–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 267/37 |
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Awissu 2009 minn A2A SpA, preċedentement ASM Brescia SpA, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża), tal-11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-189/03, ASM Brescia SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-318/09 P)
2009/C 267/68
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: A2A SpA, preċedentement ASM Brescia SpA (rappreżentanti: A. Santa Maria, A. Giardina, C. Croff, G. Pizzonia, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
— |
tannulla s-sentenza fil-Kawża T-189/03, minħabba ksur tad-dritt Komunitarju u b’mod partikolari tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, fil-parti li fiha tikkwalifika l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat; |
— |
tannulla s-sentenza minħabba applikazzjoni żbaljata u kontradittorja tad-dritt Komunitarju, fil-parti li fiha ma tikkwalifikax l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna eżistenti; |
— |
tannulla s-sentenza, minħabba ksur tad-dritt Komunitarju, fil-parti li fiha tikkonferma l-leġittimità tal-ordni tal-irkupru mogħtija mid-deċiżjoni; u konsegwentement, |
— |
tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni (1) fil-parti li fiha tafferma li hija għajnuna mill-Istat u inkompatibbli mas-suq komuni, is-sistema tranżitorja ta’ kontinwità fiskali għall-impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (Artikolu 2 tad-deċiżjoni), u/jew fil-parti li fiha timponi lill-Italja sabiex tirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand il-benefiċjarji (Artikolu 3 tad-deċiżjoni); |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Bl-ewwel aggravju, A2A S.p.A tallega l-ksur tal-Artikolu 87(1) KE mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni, fil-parti li fiha s-sentenza tikkwalifika l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, skont l-appellanti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni, ma wrietx l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ tnejn mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma vverifikatx b’mod korrett ir-rekwiżiti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-kwalifikazzjoni ta’ “għajnuna”, kif kellha tagħmel għal stħarriġ “komplet” kif mitlub mill-ġurisprudenza Komunitarja.
Bit-tieni aggravju, sussidjarjament, l-appellanti tallega l-ksur tal-Artikolu 88 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza u, fl-istess ħin, titlob l-annullament tas-sentenza li fiha tikkwalifika l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala “għajnuna ġdida”. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi rrepetiet kelma b’kelma l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma ppermettietx li l-miżuri ta’ eżenzjoni mit-taxxa għal tliet snin lil impriżi tas-servizz pubbliku li saru kumpanniji b’kapital azzjonarju jiġu kkunsidrati bħala “għajnuna eżistenti”. Min-naħa l-oħra, kienet tintlaħaq konklużjoni differenti kieku kellu jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE, kienet tapplika għall-impriżi tas-servizz pubbliku li, kif tammetti l-istess Kummissjoni, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika bħall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90.
Fl-aħħar nett, A2A, bit-tielet aggravju tagħha, u iktar sussidjarjament, titlob l-annullament tas-sentenza, minħabba ksur tad-dritt Komunitarju u tal-prinċipji inklużi fih, fil-parti li fiha tikkonferma l-leġittimità tal-ordni tal-irkupru mogħtija bid-deċiżjoni. Skont l-appellanti, is-sentenza għandha tiġi annullata inkwantu, kuntrarjament għas-sentenzi preċedenti tal-qorti Komunitarja, tappoġġja l-leġittimità tan-natura ġenerika tad-deċiżjoni u sostanzjalment tafferma li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom nuqqas totali ta’ diskrezzjoni.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21).