Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002D0002

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2002 skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tat-tagħrif personali provduta bl-Att Kanadiż dwar il-Protezzjoni tat-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi (innotifikata fid-dokument bin-numru K(2002) 4539)

    ĠU L 2, 4.1.2002, p. 13–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/12/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/2(1)/oj

    32002D0002



    Official Journal L 002 , 04/01/2002 P. 0013 - 0016


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tal-20 ta' Diċembru 2002

    skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tat-tagħrif personali provduta bl-Att Kanadiż dwar il-Protezzjoni tat-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi

    (innotifikata fid-dokument bin-numru K(2002) 4539)

    (2002/2/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' tagħrif personali u l-moviment liberu ta' dak it-tagħrif [1], u b'mod partikolari Artikolu 25(6) tagħha,

    Billi:

    (1) Skond id-Direttiva 95/46/KE l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu illi t-trasferiment tat-tagħrif personali lejn pajjiż terz jista' jsir biss jekk il-pajjiż terz fil-kwistjoni jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni u jekk jitħarsu l-liġijiet ta' l-Istat Membru li jimplimentaw id-diposizzjonijiet tad-Direttiva qabel it-trasferiment.

    (2) Il-Kummissjoni tista' ssib illi pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni. F'dan il-każ, it-tagħrif personali tista' tiġi ttrasferita mill-Istati Membri mingħajr il-ħtieġa ta' garanziji addizzjonali.

    (3) Skond id-Direttiva 95/46/KE il-livell tal-protezzjoni tat-tagħrif għandu jiġi stmat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jiċċirkundaw ħidma tat-trasferiment tat-tagħrif jew sett ta' ħidmiet tat-trasferiment tat-tagħrif, u rigward kondizzjonijiet determinati. Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi rigward il-proċessar tat-Tagħrif Personali stabbilit skond Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ħareġ gwida dwar kif isiru dawn l-istimi [2].

    (4) In vista ta' l-approċċi differenti għall-protezzjoni tat-tagħrif fil-pajjiżi terzi, għandha tiġi mwettqa l-istima dwar is-suffiċjenza u kull deċiżjoni msejsa fuq Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tiġi nfurzata hekk illi la a tiddiskrimina arbitrarjament jew mingħajr ġustifikazjoni kontra jew bejn il-pajjiżi terzi meta jipprevalu kondizzjonijiet analogi u lanqas ma tikkostitwixxi ostakolu travestit għall-kummerċ, filwaqt li jitqiesu l-obbligi internazzjonali preżenti tal-Kummissjoni.

    (5) L-Att Kanadiż dwar il-Protezzjoni tat-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi ("l-Att Kanadiż") tat-13 ta' April 2000 [3] japplika għall-organizzazzjonijiet fis-settur privat li jiġbru, jużaw jew jiżvelaw tagħrif personali fil-kors ta' l-attivitajiet kummerċjali. Dan jidħol fis-seħħ fi tliet stadji:

    Mill-1 ta' Jannar 2001, l-Att Kanadiż japplika rigward it-tagħrif personali, għajr it-tagħrif personali dwar is-saħħa, illi huwa miġbur, użat jew żvelat minn xi organizzazzjoni bħalma huma impriżi, stabbilimenti jew azjendi federali fil-kors ta' attività kummerċjali. Dawn l-organizzazzjonijiet jinsabu fis-setturi bħalma huma l-linji ta' l-ajru, il-banek, ix-xandir, it-trasport inter-provinċjali u t-telekomunikazzjonijiet. L-Att Kanadiż japplika wkoll għall-organizzazzjonijiet kollha illi jiżvelaw it-tagħrif personali sabiex tiġi kunsidrata 'il barra minn provinċja jew 'il barra mill-Kanada u għat-tagħrif dwar l-impjegati li jkollha x'taqsam ma' impjegat f'xi impriża, stabbiliment jew azjenda federali.

    Mill-1 ta' Jannar 2002, l-Att Kanadiż ser japplika għat-tagħrif dwar is-saħħa personali għall-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet diġà koperti fl-ewwel stadju.

    Mill-1 ta' Jannar 2004, l-Att Kanadiż ser jestendi għal kull organizzazzjoni li tiġbor, tuża jew tiżvela tagħrif personali fil-kors ta' attività kummerċjali sewwa jekk l-organizzazzjoni tkun negozju rregolat fl-livell federali u sewwa jekk le. L-Att Kanadiż ma japplikax għall-organizzazjonijiet li għalihom japplika l-Att Federali dwar il-Privatezza jew li huma regolati mis-settur pubbliku f'livell provinċjali, lanqas għall-organizzazzjonijiet mhux għall-qligħ u l-attivitajiet tal-karità għajr jekk ikunu ta' natura kummerċjali. Bl-istess mod ma jkoprix it-tagħrif dwar l-impjiegi wżata għal għanijiet mhux kummerċjali għajr dik li jkollha x'taqsam ma' l-impjegati fis-settur privat irregolat fl-livell federali. Il-Kummissarju Federali Kanadiż tal-Privatezza jista' jipprovdi iktar tagħrif dwar dawn il-każijiet.

    (6) Sabiex jirrispetta d-dritt tal-provinċji li jilleġislaw fl-oqsma tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-Att jipprovdi illi mal-mogħdija ta' liġijiet provinċjali sostanzjalment simili tista' tiġi konċessa eżenzjoni lill-organizzazzjonijiet jew lill-attivitajiet li jridu mbagħad jiġu koperti bil-leġislazzjoni provinċjali dwar il-privatezza. It-Taqsima 26(2) ta' l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi jagħti lill-kabinett federali l-poter, "jekk sodisfatt illi l-leġislazzjoni ta' provinċja li tkun sostanzjalment simili għal din il-Parti tapplika għal xi organizzazzjoni, klassi ta' organizzazzjonijiet, attività jew klassi ta' attivitajiet, sabiex teżenta lill-organizzazzjoni, l-attività jew il-klassi mill-applikazzjoni ta' din il-Parti fir-rigward tal-kollezzjoni, l-użu jew l-iżvelar tat-tagħrif personali li tiġri ġewwa dik il-provinċja". Il-Governor in Council (il-kabinett federali Kanadiż) jagħmel eżenzjonijiet għal leġislazzjoni li tkun sostanzjalment simili permezz ta' Order-in-Council.

    (7) Fejn u kulmeta provinċja tadotta leġislazzjoni li tkun sostanzjalment simili, l-organizzazzjonijiet, il-klassijiet ta' l-organizzazzjonijiet jew l-attivitajiet koperti ser jiġu eżentati milli tiġi applikata l-liġi federali dwar it-transazzjonijiet intra-provinċjali; il-liġi federali ser tissokta tapplika għall-ġbir kollu inter-provinċjali u internazzjonali, l-użi u l-iżvelar tat-tagħrif personali kif ukoll fil-każi kollha meta l-provinċji ma jkunux ħolqu leġislazzjoni li tkun sostanzjalment simili fl-intier tagħha jew f'parti minnha.

    (8) Il-Kanada aderixxiet b'mod formali mal-Linji Gwida tas-sena 1980 ta' l-OECD dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza u ċ-Ċirkolazzjoni Transkonfini tat-Tagħrif Personali fid-29 ta' Ġunju 1984. Il-Kanada kienet fost il-pajjiżi li appoġġaw il-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti Li Jirrigwardaw l-Inkartamenti Kkomputerizzati dwar it-Tagħrif Personali li kienu adottati mill-Assemblea Ġenerali fl-14 ta' Diċembru 1990.

    (9) L-Att Kanadiż ikopri l-prinċipji bażiċi kollha meħtieġa għal livell adegwat ta' protezzjoni tal-persuni naturali, saħansitra jekk jiġu pprovvduti wkoll eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet sabiex jissalvagwardjaw l-interessi pubbliċi importanti u sabiex jirrikonoxxu ċerta tagħrif li teżisti fid-dominju pubbliku. L-applikazzjoni ta' dawn l-istandards hija ggarantita b'rimedju ġudizzjarju u b'sorveljanza indipendenti mwettqa mill-awtoritajiet, bħalma hu l-Kummisarju Federali tal-Privatezza investit bil-poteri ta' l-investigazzoni u l-intervent. Iktar minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Kanadiża li jirrigwardaw r-responsabbiltà ċivili japplikaw fil-każ ta' proċessar illegali li jkun ta' preġudizzju għall-persuni interessati.

    (10) Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-abbiltà ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ta' l-individwi rigward il-proċessar tat-tagħrif personali tagħhom, huwa meħtieġ illi jiġu speċifikati f'din id-Deċiżjoni iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom tista' tiġi ġġustifikata s-sospensjoni taċ-ċirkolazzjoni tat-tagħrif speċifika, minkejja s-sejba ta' protezzjoni adegwata.

    (11) Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi rigward il-proċessar tat-Tagħrif Personali stabbilit skond l-artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni fuq il-livell tal-protezzjoni pprovvduta mill-Att Kanadiż, li ttieħdu f'konsiderazzjoni fit-tħejjija ta' din id-Deċiżjoni [4].

    (12) Il-miżuri pprovvduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit b'Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-għanijiet ta' Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, il-Kanada hija meqjusa li tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni għat-tagħrif personali ttrasferita mill-Komunità lir-riċevituri bla ħsara għall-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi ("l-Att Kanadiż").

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovvduta fil-Kanada bl-Att Kanadiż bil-ħsieb li tissodisfa l-ħtiġiet ta' Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax il-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet l-oħra li jimplimentaw id-disposizzjoniet l-oħra ta' dik id-Direttiva li għandhom x'jaqsmu mal-proċessar tat-tagħrif personali ġewwa l-Istati Membri.

    Artikolu 3

    1. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw it-tħaris tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-dispożizzjonijiet l-oħra għajr Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu ċ-ċirkolazzjoni ta' l-infomazzjoni lil riċevitur fil-Kanada li l-attivitajiet tiegħu jidħlu fl-iskop ta' l-Att Kanadiż sabiex jipproteġi lill-individwi rigward il-proċessar tat-tagħrif personali tagħhom fil-każijiet meta:

    (a) awtorità kompetenti Kanadiża tkun stabbiliet illi r-riċevtur jinsab f'kontravenzjoni ta' l-istandards applikabbli dwar il-protezzjoni; jew

    (b) ikun hemm probabbiltà sostanzjali illi l-istandards tal-protezzjoni jkunu qegħdin jinkisru; ikun hamm ir-raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen illi l-awtorità kompetenti Kanadiża ma tkunx qiegħda jew ma tkun sejra tieħu l-passi adegwati u f'waqthom sabiex issolvi l-każ fil-kwistjoni; it-trasferiment issoktat jista' joħloq riskju imminenti ta' ħsara gravi lil dawk soġġetti għat-tagħrif u li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru jkunu għamlu sforzi raġjonevoli fiċ-ċirkostanzi sabiex jipprovdu lill-parti responsabbli mill-proċessar stabbilita fil-Kanada b'notifika u l-opportunità li twieġeb.

    Is-sospensjoni għandha tieqaf hekk kif l-istandards tal-protezzjoni jiġu żgurati u l-awtorità kompetenti konċernata fil-Komunità tiġi nnotifika b'dan.

    2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta miżuri jiġu adottti fuq il-bażi tal-paragrafu 1.

    3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu wkoll lil xulxin bil-każijiet meta l-azzjoni tal-korpi responsabbli milli jiżguraw it-tħaris ta' l-istandards tal-protezzjoni fil-Kanada tonqos milli tiżgura dan it-tħaris.

    4. Jekk it-tagħrif miġbura skond il-paragrafi 1, 2 jew 3 tipprovdi x-xiehda illi kull korp responsabbli milli jiżgura t-tħaris ta' l-istandards tal-protezzjoni fil-Kanada ma jkunx qiegħed iwettaq b'mod effettiv ir-rwol tiegħu, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti Kanadiża u, meta meħtieġ, tippreżenta l-abbozzi ta' miżuri skond il-proċedura riferita f'Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE bil-ħsieb li tħassar jew tissospendi din id-Deċiżjoni jew li tillimita l-iskop tagħha.

    Artikolu 4

    1. Din d-Deċiżjoni tista' tiġi emendata f'kull waqt fid-dawl ta' l-esperjenza dwar il-funzjonament tagħha jew tal-bidliet fil-leġislazzjoni Kanadiża, inklużi l-miżuri li jirrikonoxxu illi provinċja Kanadiża jkollha leġislazzjoni sostanzjalment simili. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-funzjonament ta' din id-Deċiżjoni fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli, tliet snin wara n-notifika tagħha lill-Istati Membri u tirrapporta kull sejba pertinenti lill-Kumitat stabbilit b'Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inklużi kull xiehda li tista' taffettwa s-sejba f'Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni illi l-protezzjoni fil-Kanada hija adegwata fit-tifsira ta' Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kull xiehda illi din id-Deċiżjoni tkun qiegħda tiġi implimentata f'manjiera diskriminatorja.

    2. Il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta abbozzi ta' miżuri skond il-proċedura riferita f'Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE.

    Artikolu 5

    L-Istati Membru għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jikkonformw ma' din id-Deċiżjoni l-iktar tard sat-tmien tal-perjodu ta' 90 jum mid-data tan-notifika tagħha lill-Istati Membri.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 2000.

    Għall-Kummissjoni

    Frederik Bolkestein

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

    [2] WP 12: It-trasferimeni tat-tagħrif personali lill-pajjiżi terzi: li japplikaw Artikoli 25 u 26 tad-direttiva dwar il-protezzjoni tat--tagħrif ta' l-UE adottati mill-Grupp ta' Ħidma fl-24 ta' Lulju 1998, disponibbli fi: http://europa.eu.int/comm/internal_market/en/media/dataprot/wpdocs/wpdocs_98.htm

    [3] Verżjonijiet ta' l-Att ippubblikati bl-elettronika (fuq il-karta jew f'web) huma disponibbli fi: http:/www.parl.gc.ca/36/2/parlbus/chambus/house/bills/government/C-6/C-6_4/C-6_cover-E. htm. Il-Verżjonijiet stampati huma disponibbli għand il-Public Works and Government Services Kanada – Publishing, Ottawa, Kanada K1A 0S9.

    [4] L-Opinjoni 2/2001 dwar l-adegwatezza ta' l-Att Kanadiż dwar it-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi - WP 39 tas-26 ta' Jannar 2002 disponibbli fi: http://europa.eu.int/comm/internal_market/en/media/dataprot/wpdocs/wpdocs_98.htm

    --------------------------------------------------

    Top